Is-Segretarjat Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni permezz ta’ Xjenza Malta, f’kollaborazzjoni mal-Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva, nedew is-Sejħa għall-Programm ta’ Riċerka dwar l-Obeżità.
Din l-inizjattiva għandha l-għan li tindirizza l-isfida tal-obeżità f’Malta, billi tiffinanzja riċerka li tesplora l-impatt tal-ambjent tal-ikel fuq l-obeżità. B’mod partikulari, il-programm se jiffoka fuq tliet oqsma kruċjali: it-tikkettar tal-ikel, il-provvista tal-ikel, u l-promozzjoni tal-ikel. Dawn l-oqsma ġew identifikati bħala punti ċentrali fejn l-evidenza xjentifika tista’ twassal għal politiki aktar effettivi favur għażliet ta’ ikel aktar b’saħħithom.

Is-sejħa għal din is-sena se tipprovdi għotjiet sa €100,000 għal kull proġett, u hija miftuħa għal entitajiet akkademiċi, pubbliċi u privati. Tliet proġetti distinti mistennija li jiġu ffinanzjati, wieħed għal kull qasam identifikat fil-programm.
Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela enfasizza li “Sabiex tiġi indirizzata din l-isfida, kif anke ġiet iddikjarata mill-WHO, irid ikun hemm ‘a whole Government approach’ u għalhekk il-kollaborazzjoni bejn il-Gvern, ir-riċerkaturi u s-settur privat hija kruċjali. L-obeżità tolqot numru ta’ organi vitali tal-ġisem u taffettwa miż-żgħir sal-anzjani u għaldaqstant irridu nkunu innovattivi fl-indirizzar ta’ din l-isfida,” saħaq il-ministru.
“Inħarsu ’l quddiem sabiex din ir-riċerka isservi ta’ bażi għal ħafna aktar riċerka u għal aktar kollaborazzjonijiet sabiex niksbu riżultati pożittivi li bihom nsaħħu l-istrateġiji ta’ pajjiżna favur il-pazjent,” temm jgħid il-Ministru Jo Etienne Abela.
Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Keith Azzopardi Tanti qal li dan huwa eżempju ċar ta’ kif l-investiment fir-riċerka jista’ joffri soluzzjonijiet konkreti. “Dan il-programm huwa prova oħra tal-impenn tagħna biex ninvestu fir-riċerka bħala għodda konkreta biex nindirizzaw sfidi nazzjonali bħall-obeżità. Billi nsaħħu l-bażi xjentifika ta’ politika pubblika, nistgħu noħolqu futur aktar b’saħħtu għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin,” tenna is-segretarju parlamentari.
Waqt il-konferenza, Dr Jason Attard u Prof Charmaine Gauci mill-Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva taw informazzjoni dwar id-data attwali tal-obeżità f’Malta u enfasizzaw l-importanza li jiġu żviluppati interventi bbażati fuq evidenza.
Is-sessjoni kompliet bi preżentazzjoni minn Enya Maria Haber minn Xjenza Malta, li spjegat fid-dettall ir-regoli u r-rekwiżiti tal-applikazzjoni, inkluż il-proċess tal-evalwazzjoni u l-iskeda tal-implimentazzjoni.
Dr Tonio Portughese, Chairman tal-Kumitat Konsultattiv ta’ Xjenza Malta, qal li dan il-programm jirrappreżenta pass importanti biex Malta tindirizza l-isfida tal-obeżità. “Aħna impenjati li nappoġġjaw riċerka li se tgħin fit-tfassil ta’ politiki pubbliċi effettivi li jtejbu s-saħħa tal-popolazzjoni tagħna,” qal Dr Portughese.
Biex tgħin lill-partijiet interessati jifhmu aħjar il-programm u l-proċess tal-applikazzjoni, Xjenza Malta se tospita sessjoni ta’ informazzjoni online fit-2 ta’ Ġunju 2025 fl-10:00am. Dawk li huma interessati jistgħu jirreġistraw permezz ta’ din il-link: https://forms.gle/UTZGQBZMLY7euVNE7.