Sunday, November 24, 2024

L-Innu ta’ Merħba li se jisma’ l-Papa hu u sejjer lejn Ta’ Pinu

Aqra wkoll

‘Merħba bik Papa Franġisku”, hekk jibda l-innu ta’ merħba li se jkun qed jisma’ l-Papa Franġisku hu u sejjer lejn Ta’ Pinu.  L-innu jgħid ukoll li “int minn Ruma ġejt tkellimna, ħalli aħna widen nagħtuk sħiħ, biex ghħal ġensna żżernaq għodwa, li mill-ġdid troddilna l-ġieħ”.

Dan l-innu se jkun qed jitkanta waqt li Papa Franġisku se jkun qed jgħaddi minn Triq il-Papa Ġwanni Pawlu II fil-Belt Victoria  li kienet issemmiet hekk proprju għax kienet laqgħet lil dan l-ewwel Papa li żar il-gżejjer tagħna, meta hu wkoll kien fi triqtu lejn Ta’ Pinu fis-26 ta’ Mejju 1990. Fil-bidu ta’ din it-triq hemm monument tal-bronż ta’ Ġwanni Pawlu II li kien twaqqaf f’Ottubru 2006 mill-Fondazzjoni Papa Ġwanni Pawlu II.

Proprju quddiem dan il-mafkar il-Papa Franġisku  se jilmaħ miġburin lit-tfal tal-Kor Regina Angelorum tal-Parroċċa ta’ Marija Assunta Inkurunata, taż-Żebbuġ, li se jkunu qed ikantawlu Innu ta’ Merħba li nkiteb apposta għall-okkażjoni minn Mro Franco Cefai fuq versi ta’ Dun Geoffrey George Attard.

Il-Kor Regina Angelorum huwa wieħed miż-żewġ korijiet fir-raħal pittoresk taż-Żebbuġ u ġie mwaqqaf fl-1997 mis-Sinjura Marija Cefai, li hi wkoll id-Direttriċi tal-Kor Santa Marija tal-istess raħal. Illum hu kompost minn 40 korista.

Dan il-kor huwa magħruf għar-repertorju oriġinali miktub għal diversi okkażjonijiet, fejn fost l-innijiet riċenti nkiteb innu ta’ tama u kuraġġ għal waqt il-pandemija tal-Covid-19, innu ta’ merħba lill-Isqof Giovanni Cefai MSSP, bin ir-raħal taż-Żebbuġ, Innu lill-Madonna Ta’ Pinu fis-Sena Djoċesana Marjana, u Innu lil San Ġużepp fis-Sena Ġużeppina.

L-awtur ta’ dawn l-innijiet huwa l-Kan. Geoffrey George Attard, mill-Belt Victoria imma li għal diversi snin qeda l-ministeru pastorali fil-Parroċċa taż-Żebbuġ, filwaqt li l-mużika hija miktuba minn Mro Franco Cefai, Maestro di Cappella.

Kien fuq xewqa tal-Arċipriet taż-Żebbuġ Dun Ġwann Sultana li dan l-aħħar inkiteb dan l-innu ferrieħi ta’ merħba lill-Papa Franġisku biex ifakkar il-miġja tiegħu f’Malta u Għawdex. 

Sport