Monday, November 11, 2024

L-INTAXXAR TA’ PROFITTI EĊĊESSIVI

Aqra wkoll

Matul ix-xahar li għadda fil-parti l-kbira tal-pajjiżi Ewropew inkluż pajjiżna rajna li l-inflazzjoni baqgħet tiela ‘l fuq. Kien hemm xi pajjiżi li xhur ilu esperjenzaw żidiet qawwija fl-inflazzjoni u li issa fl-aħħar xahar bdew jaraw tnaqqis.

Is-sitwazzjoni dinjija ta’ bħalissa flimkien mal-gwerra fl-Ukrajna wasslu għal żidiet qawwija fil-prezzijiet. Rajna prezzijiet tal-ikel u prezzijiet marbutin mal-enerġija jogħlew f’għadd kbir ta’ pajjiżi Ewropej. Prodotti essenzjali ukoll kellhom żieda fil-prezzijiet. Dan seħħ ukoll f’pajjiżna fejn konna u għadna qegħdin nesperjenzaw żidiet fil-prezzijiet tal-ikel u prodotti essenzjali. 

Apparti dan, fis-suq hawn min qed jisfrutta is-sitwazzjoni tat-taqlib dinji u ż-żieda fil-prezzijiet.  Hawn min approfitta ruħu biex iżid sew il-profitti tiegħu. Dan ma seħħx f’pajjiżna biss imma sar anke barra minn Malta. Hemm kumpaniji imbagħad li minħabba id-dominanza tagħhom fis-suq flimkien mas-sitwazzjoni ekonomika dinjija, waslu biex dawn qegħdin iżidu bil-kbir il-profitti tagħhom. Fost dawn il-kumpaniji hemm dawk tal-enerġija.

Nemmnu li mhux ġust li fis-sitwazzjoni li għaddejja minnha id-dinja bil-problemi ekonomiċi u ta’ inflazzjoni, ikun hemm korporazzjonijiet li jaraw il-profitti tagħhom jiżdiedu b’mod qawwi ħafna. Dan ikun sar mhux minħabba xi żieda fil-bejgħ imma għax sfruttaw is-sitwazzjoni.

Din hi sitwazzjoni inġusta għax hi sitwazzjoni li minnha nfiha toħloq pressjonijiet ġodda fuq dawk li jinsabu f’pożizzjoni vulnerabbli jew għandhom dħul baxx. Mhux biss iżżid il-pressjoni imma tnaqqas is-saħħa tax-xiri tagħhom. B’riżultat ta’ dan, dawn ikomplu jaqgħu lura.

Nemmnu ukoll li sitwazzjoni simili ma tistax titħalla għaddejja. Veru li għall-Ewropa is-suq hu l-aktar ħaġa importanti imma mill-banda l-oħra ma nistgħux inħallu korporazzjonijiet kbar iżidu l-profitti tagħhom b’mod qawwi sempliċiment għax sfruttaw is-sitwazzjoni ta’ inflazzjoni li teżisti.

Quddiem dan huma diversi dawk li qed jitkellmu biex il-profitti kbar li qed isiru minn korporazzjonijiet li huma ferm ogħla minn dawk tas-sena li għaddiet, dawn ikunu intaxxati b’taxxa ġdida jew inkella parti minnhom tmur biex tgħin persuni vulnerabbli.

Hemm pajjiżi li diġa qegħdin imorru f’din id-direzzjoni fosthom l-Italja fejn f’Marzu li għadda introduċiet tax  fuq il-kumpaniji tal-enerġija u proprju ftit xhur wara għolliet l-istess taxxa minn 10 fil-mija għal 25 fil-mija. Fil-Ġermanja ukoll, il-gvern se jintroduċi taxxa fuq il-profitti tal-kumpaniji tal-enerġija. Il-Greċja, ir-Rumanija, u Spanja ukoll imponew taxxi simili.

Ovvjament kull pajjiż għandu ir-realtajiet tiegħu. Taxxa ġdida fuq profitti eċċessivi twassal biex tnaqqas dak il-profitt għal dik il-kumpanija. Dan ifisser ukoll li jiskoraġixxi l-investiment, xi ħaġa li minna nfiha hi negattiva, għax inqas investiment ifisser inqas impjiegi.

Nemmnu li qegħdin fi żmien delikat, fein kumpaniji jew korporazzjonijiet m’għandhomx jitħallew japprofittaw ruħhom mis-sitwazzjoni. Nemmnu li fejn jinstab li kien hemm min approfitta ruħu, allora l-Istat għandu jintervjeni biex jiġu mgħejjuna dawk li qed jaqgħu lura. M’hemmx dubju li l-argument ta’ taxxa fuq profitti eċċessivi se nkomplu nisimgħu bih matul il-ġimgħat u x-xhur li ġejjin.

Sport