Monday, November 4, 2024

L-INTELLIĠENZA ARTIFIĊJALI U L-INFLUWENZA TAGĦHA FID-DINJA TAX-XOGĦOL

Aqra wkoll

Żvilupp teknoloġiku li f’dawn l-aħħar snin kien fuq fomm ħafna huwa dak tal-intelliġenza artifiċjali, li ħafna drabi qed ikun imfixkel ma’ dik li hija robotika. L-intelliġenza artifiċjali u r-robotika mhumiex l-istess iżda huma distinti minn xulxin.

Is-suġġett tal-intelliġenza artifiċjali saħansitra mhux nieqes mid-dibattitu anke f’Malta. Tant li f’dawn l-aħħar jiem ittellgħet konferenza li fiha diversi msieħba soċjali ltaqgħu biex jiddiskutu t-trasformazzjoni diġitali fid-dinja tax-xogħol. Mhux biss imma kif din tolqot anke lin-negozji u d-dimensjoni soċjali.

Dan l-iżvilupp teknoloġiku ġdid miegħu ġab sfidi kbar. Fosthom kemm il-ħaddiema tal-lum huma adattati għal din l-eventwalità. Sfidi li evidentement kienu ċari f’dawk li huma ħiliet tal-ħaddiema fejn bla dubju jirriżulta li bosta ħaddiema Maltin għad mhumiex ta’ livell u għalhekk jeħtieġ li jiġu mħarrġa direttament f’dan il-qasam.

Minkejja kull sfida, il-ħaddiema m’għandhomx jiġu mnaffra minħabba f’dawn l-iżviluppi. Anzi, għall-kuntrarju għandhom jingħataw l-għodod kollha biex ikampaw fil-bidliet mgħaġġla li qed iseħħu fid-dinja tax-xogħol.

Hawn ta’ min jgħid illi hemm ħtieġa li l-Università u istituzzjoonijiet edukattivi oħra jkomplu jaħdmu id f’id man-negozji fit-taħriġ lill-ħaddiema.

Dan ngħiduh għax nemmnu li l-progress ma jista’ jwaqqfu ħadd u dawk li ma jilħqux mal-progress li jkun għaddej bla dubju se jkunu huma li jaqgħu lura.

Għalhekk, anke aħna bħala Maltin, għandna ndawru l-isfidi f’aktar opportunitajiet.
Nemmnu wkoll li s-sehem tal-Gvern huwa kruċjali biex l-investiment li jsir, ikun adattat għal dawn iċ-ċirkostanzi moderni. B’hekk pajjiżna jkun jista’ jlaħħaq mal-iżviluppi li qed isiru f’pajjiżi oħra meta jitqies li l-ekonomiji huma kważi marbutin ma’ xulxin u jiddependu waħda fuq l-oħra.

Għalhekk nemmnu wkoll li l-edukazzjoni vokazzjoni għandha tixpruna lil aktar ħaddiema biex jiksbu dawn il-ħiliet li jwassluhom mhux biss jibnu karriera imma li jipprovdu għall-għajxien tagħhom ta’ kuljum.

Sport