Tuesday, May 14, 2024

“L-intenzjoni hija ġustifikata mit-tip ta’ materjal u mill-frekwenza tal-materjal li tkun qsamt”

Il-Prosekuzzjoni dwar is-seba' Sirjani li nstab li qasmu filmati tal-ISIS u tal-AL-Qaeda b’mod frekwenti fuq il-midja soċjali

Aqra wkoll

Is-sebat irġiel Sirjani li jinsabu mixlija b’akkużi relatati ma’ terroriżmu, kienu qed jaqsmu filmati tal-ISIS u tal-AL-Qaeda b’mod frekwenti fuq il-midja soċjali. Dan ħareġ minn dokumenti li ġew preżentati fil-Qorti, hekk kif illum kompla jinstema’ l-każ quddiem il-Maġistrat Nadine Lia.

Il-Prosekuzzjoni ppreżentat materjal li ttella’ fuq il-midja soċjali mill-accounts li jappartjenu lis-seba’ akkużati — Ajil Al Muhsen (21 sena), Adnan Maashi (21 sena), Yazan Abduklaziz (26 sena), Ahmed Kadas (25 sena), Khalil Al Mahmoud (21 sena), Ahmed Ahmed (27 sena) u Mohammed Mohammed (24 sena).

Tlieta mill-materjali li ttellgħu jinkludu: filmati tal-ġellieda tal-Jihad, filmati tal-mexxejja tal-ISIS, u filmati ta’ Osama bin Laden waqt wieħed mill-indirizzi tiegħu. Filmati oħra kienu jinkludu t-tifħir ta’ attivitajiet terroristiċi, fosthom attakki suwiċidali. Barra minn hekk, il-maġġorparti tal-filmati kienu akkumpanjati minn slogans jew kanzunetti tal-Jihad.

Il-Qorti kompliet tisma’ kif wieħed mill-mowbajls tal-imputati, wara li ġie analizzat minn surġent tal-Pulizija nstab li kellu kontenut dwar kif wieħed jista’ jagħmel joħloq splussiv (fosthom bombi tal-karozzi) mid-dar stess. Il-Prosekuzzjoni, filwaqt li qalet illi l-akkużati ma kellhom l-ebda splussiv fil-pussess tagħhom, spjegat li “Huwa ċar daqs il-kristall li l-materjal dwar dan is-suġġett tniżżel mis-suspettati stess,” qal wieħed mis-surġenti.

F’dan ir-rigward, id-difiża qalet li d-dokumenti ppreżentati l-Qorti fis-seduta tal-lum ma jistgħux jitqiesu bħala evidenza. L-avukat José Herrera ġġustifikata dan billi argumenta li sabiex persuna titqies ħatja ta’ reat, f’dan il-każ ta’ reat terroristiku, din il-persuna jrid ikollha intenzjoni speċifika għal xiex tkun qasmet materjal terroristiku.

L-avukat Antoine Agius Bonnici, f’isem il-Prosekuzzjoni, qal li ġaladarba persuna tippubblika kontenut li jigglorifika t-terroriżmu, dan minnu nnifsu huwa reat: “L-intenzjoni hija ġustifikata mit-tip ta’ materjal u mill-frekwenza tal-materjal li tkun qsamt. Jekk hemm pattern, dan jikxef l-intenzjoni tal-individwu,” fisser l-avukat Bonnici permezz ta’ kwotazzjoni tad-direttiva tal-EU.

Il-Maġistrat min-naħa tagħha ddikjarat li hemm biżżejjed evidenza prima facie biex l-akkużati jitpoġġew taħt att ta’ akkuża.

Il-każ ikompli f’Ġunju.

Sport