Il-politika sa minn żmien ilu kienet u għadha l-aqwa mezz biex ittejjeb il-ħajja taċ-ċittadini f’pajjiżi demokratiċi. Għalhekk huwa kruċjali li jkun hemm min joffri dan is-servizz lejn il-poplu. Fil-każ ta’ Malta, f’hiex qegħdin? Qiegħda tissaħħaħ jew tonqos l-importanza u l-interess fil-politika mill-poplu?
Qegħdin nagħmlu din il-mistoqsija għaliex mill-aħħar stħarriġ li sar mill-Prof. Vincent Marmarà, jidher li n-nies huma inqas interessati fil-politika filwaqt li qed jiġi osservat tnaqqis konsistenti fost dawk li qegħdin isostnu li l-politika hija importanti ħafna f’ħajjithom. Barra minn hekk, kien hemm aktar nies minn sena għall-oħra li qalu li l-politika ma tinteressahom xejn, b’dawk taħt il-25 sena jkunu l-inqas li qalu li l-politika Maltija hi importanti ħafna f’ħajjithom.
Hemm bżonn għalhekk li l-politiċi jaraw sew x’qiegħed iwassal għal dan il-fattur. Jista’ jkun li ċertu lingwaġġ qed iwassal biex ibiegħed lill-elettorat mill-parteċipazzjoni tiegħu fil-politika… u jekk in-nuqqas ta’ interess fil-politika jkompli jiżdied, jista’ jagħti l-każ ukoll li jkun hemm inqas persuni li jikkontestaw l-elezzjonijiet.
Quddiem dan ix-xenarju kollu, issa li bdiet tirranka sew il-ħidma għall-elezzjoni ġenerali li jmiss mill-partiti politiċi, tajjeb għalhekk jixtarru x’irid il-poplu u x’għandu jsir biex naraw li dan l-interess fil-politika jerġa’ jirpilja. Il-messaġġi għandhom jibqgħu jkunu ċari u konsistenti, li jintlaqgħu mill-poplu. Tajjeb ukoll li l-politiċi jibqgħu jkunu qrib in-nies.
Qed ngħidu dan kollu għaliex filwaqt li l-interess fil-politika qed ikompli nieżel, xorta kien hemm ftit inqas minn tliet kwarti ta’ dawk li ħadu sehem fl-istħarriġ li qalu li se jkunu qegħdin jivvutaw fl-elezzjoni ġenerali li jmiss. Jiġifieri minkejja kollox, għad hemm parti sostanzjali tan-nies li lesti jivvutaw f’din l-elezzjoni.
Aħna nemmnu li s-sehem ta’ kulħadd huwa importanti, anke taż-żgħażagħ. Kull min għandu kontribut x’jagħti għandu jiġi mismugħ għaliex din il-konverġenza fl-ideat twassal biex ikollna pajjiż aħjar u li jħares ’il quddiem b’ottimiżmu.