Monday, February 2, 2026

L-INTERESS NAZZJONALI GĦANDU JIPPREVALI DEJJEM

Aqra wkoll

Ix-xenarju ġeopolitiku globali li qed ngħixu fih ma huwa feliċi xejn. Dan tal-lum huwa żmien karatterizzat b’mod sinifikanti minn kompetizzjoni ħarxa u profondament maqsuma f’biċċiet, kif ukoll mit-twarrib tal-multilateraliżmu, b’konfrontazzjoni ġeoekonomika u kunflitti armati, li għadhom joħolqu riskji sistemiċi kbar. 

Ix-xejriet ewlenin kurrenti huma ċari u kulħadd jista jarahom. Bħalissa dawn jinkludu r-rivalità intensifikata bejn l-Istati Uniti u ċ-Ċina, il-bidla lejn l-unilateraliżmu fil-politika barranija tal-Istati Uniti, u Lvant Nofsani li għadu maħkum u mimli tensjoni.

L-eskalazzjoni tal-gwerra kummerċjali tat-Tariffi, li tnediet mill-Istati Uniti fis-sena li għaddiet, ħolqot taqlib ġeoekonomiku li ġie ittimbrata bħala l-akbar riskju globali għall-2026. Hemm imbagħad it-tħassib li l-president Amerikan Donald Trump jibqa jżomm tariffi għoljin u potenzjalment jintroduċi oħrajn ġodda ta’ 100% fuq is-setturi tas-semikondutturi u l-farmaċewtika. 

Il-mistoqsija għalina hi, xenarju geopolitiku u ekonomiku hekk instabbli u mimli tensjoni, jista jilħaqna u jolqotna bħala pajjiż? It-tweġiba hija li iva, dan kollu jista jħalli impatt negattiv fuq gżiritna, l-iktar fuq l-industrija tal-manifattura li pajjiżna għad għandu bżonnha ferm.

Malta ma hix pajjiż iżolat, jew qed tgħix f’xi bozza. Pajjiżna huwa parti minn dinja globalizzata, u aktarx iva milli le, dak li jseħħ jew jiġi kkawżat fix-xena internazzjonali lilna jaffwettwana wkoll bħala poplu u bħala pajjiż sovran.

Għalhekk, lil’hin mir-retorika politika domestika, iktar u iktar dik partiġġjana, jkun għaqli ferm jekk pajjiżna jibqa jkun kawt, u kif għamel s’issa, ma jieħux deċiżjonijiet imgħaġġla li fix-xena internazzjonali, jistgħu jkunu dannużi għall-ekonomija ta pajjiżna.

Il-politika barranija ta’ tagħna għandha tibqa, kif dejjem kienet, imnebbħa mill-interess nazzjonali u minn xejn aktar. F’dan il-kuntest għalhekk, intennu li jkun jaqblilna ħafna aktar jekk nibqgħu nzommu quddiem għajnejna li pass ħażin jew imgħaġġel jista jħalli mijiet, jekk mhux eluf, ta’ mpjiegi vittmi.

F’kull ċirkustanza, sew f’deċiżjonijiet kollettivi u sew f’dawk individwali, l-interess ta pajjiżna għandu jkunu wieħed u uniku, dak nazzjonali biss.

Ma nistgħux noqogħdu nilgħabu man-nar għaliex ninħarqu nistgħu. Ir-relazzjonijiet internazzjonali, kif jidhru li huma llum, donnhom jinsabu fuq kaldarun ibaqbaq li jista jiżbroffa minn mument għal ieħor bla ma nafu l-konsegwenzi xi jkunu. Jekk bħala pajjiż ma nagħtux każ ta’ dan ix-xenarju, ikun inutli li noqgħodu nfittxu biex forsi insibu rimedju. Imbagħad jaf ikun tard wisq.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport