Friday, December 27, 2024

L-intraċċar tal-għajnejn jista’ jgħin fid-dijanjożi tal-awtiżmu

Aqra wkoll

It-traċċar tal-movimenti tal-għajnejn tat-tfal żgħar waqt li jkunu qed jaraw vidjows jista’ jgħin biex jiġi djanjostikat awtiżmu f’età iżgħar u b’hekk jippermetti terapiji aktar bikrija u riżultati aħjar.

L-ispettru tal-awtiżmu, ħafna drabi jiġi espress bħala diffikultà fl-interazzjoni u l-komunikazzjoni soċjali ma’ oħrajn. 

L-awtiżmu mhuwiex marda, kif bosta jaħsbu u lanqas ma huwa xi ħaġa li trid titfejjaq, iżda dijanjosi fil-pront tippermetti appoġġ aktar bikri għat-tfal u l-adulti biex jgħinu jamministraw l-oqsma tal-ħajja li huma aktar diffiċli għalihom. 

Skont is-Servizz Nazzjonali tas-Saħħa fl-Ingilterra, (NHS) madwar 1% tal-popolazzjoni hija identifikata bħala li għandha kundizzjoni tal-awtiżmui, li tista tinkludi s-Sindrome ta’ Asperger.

Madankollu, filwaqt li l-ġenituri jistgħu jinnutaw sinjali potenzjali ta’ awtiżmu fit-tfal qabel l-età ta’ sentejn, ħafna drabi ma ssirx dijanjosi uffiċjali qabel ma jagħlqu erba’ jew ħames snin, u b’hekk jintilfu snin ta’ valur li jgħinu fl-iżvilupp ta’ tfal bil-kundizzjoni tal-awtiżmu.

F’żewġ studji li saru, ir-riċerkaturi skoprew li l-intraċċar tal-movimenti tal-għajnejn tat-tfal waqt li jaraw vidjows ta’ interazzjonijiet soċjali jista ‘jidentifika b’mod preċiż lil dawk bl-awtiżmu.

Studju li kien ippubblikat f’JAMA Network Open, talab lil 1,089 parteċipant ta’ bejn is-16 u t-30 xahar biex jaraw vidjows ta’ interazzjonijiet soċjali bejn tfal oħra waqt il-logħob għal tul ta’ madwar minuta.

Fl-istess studju, dejta minn apparat li jsegwi l-għajnejn, li ħa 120 kejl kull sekonda, uriet lil dawk b’dijanjosi tal-awtiżmu tipikament iffokati fuq ġugarelli ta’ nteress għalihom, kuluri u elementi ta’ sfond li m’humiex rilevanti għall-kuntest soċjali, aktar milli ffokaw fuq l-interazzjoni ma’ tfal fil-vidjo.

It-tieni studju, ippubblikat fil-ġurnal JAMA, involva 499 tifel u tifla kollha rreġistrati f’ċentri ta’ speċjalità madwar l-Istati Uniti bejn April 2018 u Mejju 2019. Il-parteċipanti reġgħu ġew mitluba jaraw vidjows simili li jinvolvu interazzjonijiet soċjali bejn tfal oħra. Fl-istess jum, huma għaddew minn dijanjosi klinika biex jiġi identifikat jekk il-parteċipanti identifikawx bħala awtistiċi.

La t-tekniku li kejjel il-movimenti tal-għajnejn u lanqas il-kliniċista li jagħti d-dijanjosi ma kienu jafu r-riżultati tat-test l-ieħor, iżda meta qabblu it-test tal-intraċċar tal-għajnejn instab li kien jikkorrelata mal-valutazzjonijiet kliniċi.

Skont l-esperti, l-interazzjoni soċjali u l-esperjenza kondiviża huma l-pjattaforma għall-iżvilupp tal-moħħ, għalhekk ikejlu kif it-tfal qed jaġixxu għal informazzjoni ewlenija fl-ambjent li jgħin fl-iżvilupp bikri ta’ ħiliet soċjali, ta’ komunikazzjoni u ta’ soluzzjoni ta’ problemi.

Dr Warren Jones, direttur taċ-Ċntru Duke għall-Awtiżmu u l-Iżvilupp tal-Moħħ isostni li l-integrazzjoni ta’ sorsi multipli ta’ informazzjoni – inkluż it-test tal-intraċċar tal-għajnejn, ir-rapport tal-ġenituri, u l-osservazzjonijiet kliniċi – l-eżattezza, iċ-ċertezza, u l-effiċjenza tal-valutazzjoni dijanjostika tal-awtiżmu jistgħu potenzjalment jittejbu, jirriżultaw f’inqas każijiet mitlufa u jippermettu li aktar tfal jirċievu terapiji bikrija li minnhom jistgħu jibbenefikaw.

Studji futuri se jkollhom jevalwaw kemm huwa fattibbli, aċċettabbli, affidabbli u effiċjenti t-test tal-intraċċar tal-għajnejn meta jintuża mill-kliniċi bħala għajnuna fid-dijanjosi tal-awtiżmu fil-prattika.

Ir-riċerka se jkollha bżonn tivvaluta kif l-informazzjoni mit-test tal-intraċċar tal-għajnejn għandha tiġi peżata u integrata ma’ sorsi oħra ta’ informazzjoni, bħal rapport tal-ġenituri u osservazzjoni klinika, biex twassal għal deċiżjoni dijanjostika.

Ekonomija

Sport