Saturday, December 28, 2024

L-INUGWALJANA FIL-KLIMA

Aqra wkoll

Proprju llum bdiet konferenza oħra dwar il-bidla fil-klima. Sena ilu kellna l-COP26. Konferenza li saret fi Glasgow fl-Iskozja. Konferenza li ħalliet togħma morra għax ma kien hemm ebda miri konkreti ta’ meta u kif il-pajjiżi se jiġu għal dak li jissejjaħ ‘zero net emissions’. Fi Glasgow kienu saru għadd ta’ dikjarazzjonijiet. Għalkemm wieħed jista’ jgħid li f’xi pajjiżi saru żviluppi, hu fatt lid-dinja għadha ħafna ‘l bogħod mill-miri stabbiliti tat-tnaqqis tad-Diossidu tal-Karbonju biex tiġi miġġielda l-bidla fil-klima.

Iċ-ċirkostanzi dinjin illum huma totalment differenti minn dawk ta’ sena ilu. Illum id-dinja qed tiffaċċja tensjonijiet minħabba il-gwerra fl-Ukrajna u minħabba iż-żieda fl-inflazzjoni li qed tolqot lid-dinja kollha.

Proprju fl-aħħar xhur komplejna naraw u nesperjenzaw kif il-bidla fil-klima qed tikkawża inugwaljanza, fejn l-aktar li qegħdin ibatu huma l-pajjiżi foqra. Ir-realtà hi dik li l-pajjiżi żviluppati ma rnexxielhomx  inaqqsu  l-emissjonijiet mill-gassijiet serra b’rata mgħaġġla biżżejjed. Dawn lanqas wasslu biex jipprovdu l-mekkaniżmi finanzjarji lill-pajjiżi foqra biex jagħmlu tajjeb għall-effetti  kaġunati minn temp estrem. Għandna sitwazzjoni fejn il-pajjiżi żviluppati huma responsabbli tista’ tgħid għall-parti l-kbira tal-emissjonijiet, waqt li pajjiżi fqar qegħdin jesperjenzaw u jiffaċċjaw l-effetti ta’ dawn l-emissjonijiet bil-bidla fil-klima li qed tikkaġuna temp estrem f’pajjiżhom b’danni kbar fosthom imwiet.

Sfortunament, ir-realtà dinjija llum ma’ tantx tawgura tajjeb fejn tidħol il-ġlieda kontra l-bidla fil-klima. Kuntrarjament għal sena ilu, illum qed ngħixu f’dinja b’tensjonijiet kbar minħabba l-gwerra fl-Ukrajna. L-aktar żewġ pajjiżi li jikkawżaw emissjonijiet mid-Diossidu tal-Karbonju, iċ-Ċina bi kważi 10 biljun tunnellata ta’ emissjonijiet u l-Istati Uniti b’4.5 biljun tunnellata, ma tistax tgħid li jinsab fl-aħjar relazzjonijiet bejniethom. 

Nemmnu li biex tiġi miġġielda l-bidla fil-klima dawn iż-żewġ pajjiżi ma jistgħux jibqgħu b’relazzjonijiet bejniethom jiddgħajfu flok jissaħħu. Nemmnu li hu kruċjali li biex niġġieldu l-bidla fil-klima, hemm bżonn li dawn il-pajjiżi bl-akbar emissjonijiet isaħħu ir-relazzjonijiet u jaħdmu flimkien.

Problema oħra li issa qed niffaċċjaw fil-bidla fil-klima u li sena ilu ma kinitx hemm, hi li waqt li l-Unjoni Ewropea kienet titqies bħala fuq quddiem fil-ġlieda, issa qegħdin naraw li minħabba l-gwerra fl-Ukrajna għadd ta’ pajjiżi ħabbru pjani biex jestendu l-operat tal-impjanti tal-faħam. Fost il-pajjiżi hemm il-Ġermanja, l-Ungerija, il-Grecja, l-Olanda u l-Italja. L-Awstrija li kienet iċċelebrat l-għeluq tal-aħħar impjant tal-faħam fis-sena 2020, kienet ipproponiet li tirrijattiva mill-ġdid, għalkemm din il-proposta ġiet imblukkata.

Mhux hekk biss, matul din is-sena hu stmat li l-użu tal-faħam fil-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea żdied b’10 fil-mija u dan hu mistenni li jiżdied.

Il-mistoqsija li toħroġ hi ċara….id-dinja lesta li twarrab għal kollox l-użu ta’ dawk li jissejjħu ‘fossil fuels’. Dak li seħħ fl-aħħar xhur u kif għadd ta’ pajjiżi inkluż Ewropej qed iduru għal ‘fossil fuels’ jurik li d-dinja għadha mhix preparata li ma tużax aktar din il-materja prima li tniġġeż.

Ekonomija

Sport