Xhur ta’ tensjoni fuq il-fruntieri bejn ir-Russja u l-Ukrajna, wasslu biex seħħ dak li ħafna ma stennewx. Invażjoni sħiħa u attakki qawwija mir-Russja fuq l-Ukrajna. Invażjoni u attakki fuq kull parti tal-Ukrajna. Attakki u invażjoni li għal ħafna analisti kienu sorpriża għax qatt ma stennew li din l-invażjoni fuq din l-iskala kienet se sseħħ. Kienu jemmnu li jista’ jkun hemm xi tip ta’ kunflitt fir-reġjun Dombas biss, fejn hemm ir-ribelli Russi fil-lvant tal-Ukrajna imma mhux invażjoni massiċċa bħal dik li rajna sseħħ fl-aħħar sigħat.
Bliet kbar fl-Ukrajna kienu attakkati b’mod qawwi
Fl-aħħar sigħat rajna bliet kbar u ewlenin fl-Ukrajna jiġu attakki b’mod qawwi mill-ajru. Għadd ta’ żoni militari tal-Ukrajna kienu ukoll attakkati. Fost dawn kien hemm l-ibliet ta’ Lutsk u Ivano Frankivsk fi-Punent tal-Ukrajna. Kellek attakki fuq Kiev u Chernihiv. Attakki oħra kienu fuq Kharkiv, Kramatorsk, Dnipro, Zaporizhzhia, Mukolaiv, Odessa, Kheron u Mariupol. L-attakki bdew mill-ajru fuq diversi bliet u infrastruttura Ukrena, fejn kollox jindika li l-attakki mill-ajru kellhom l-għan li jgħinu l-avvanzi ta’ truppi mill-art.
L-invażjoni Russa kienet tista’ tgħid fuq kull front, fejn minn naħa tat-tramuntana tal-Ukrajna kellhom truppi Russi li qasmu l-fruntiera lejn l-Ukrajna. Filfatt tankijiet tal-gwerra u tagħmir ieħor ta’ attakki bir-rokits imxew lejn Chernihiv. L-impjant nuklejari ta’ Chernobyl spiċċa ukoll f’kunflitt bejn suldati Ukreni u dawk Russi, fejn l-aħħar rapporti kienu qed jgħidu li dan intrebaħ mill-forzi Russi.
Seħħew ukoll attakki u invażjoni minnn naħa tal-lvant, fejn għadd ta’ tankijiet Russi daħlu f’Kharkhiv. Separatisti Russi f’Luhansk u Donetsk nidew ukoll offensiva fuq il-belt ta’ Shchastia.
In-nofsinhar tal-Ukrajna ukoll kien involut, b’għadd ta’ truppi Russi jaqsmu mill-Crimea lejn Kherson, fejn postijiet bħal Chongar u Novo Alekseyevka spiċċaw f’idejn is-suldati Russi. Suldati Russi daħlu ukoll fil-portijiet ta’ Odessa u Mariupol.
Ma stennewx invażjoni massiċċa għax l-ekonomija Russa mhix reżiljenti
L-argument li kienu jagħmlu ħafna analisti dwar għaliex ma jemmnux li kien se jkun hemm invażjoni tal-Ukrajna imma kienu jemmnu li jkun hemm xi tip ta’ kunfitt fir-reġjun Dombas, kienet ibbażata fuq il-fatt li l-ekonomija Russa u s-sistema politika fir-Russja mhix waħda reżiljenti. L-ekonomija Russa hi bbażata fuq l-esportazzjoni tal-gass lejn l-Ewropa, apparti l-esportazzjoni ta’ armi fost oħrajn.
Quddiem din l-invażjoni, hemm stennija għal sanzjonijiet qawwija minn naħa tal-Punent lejn ir-Russja, sanzjonijiet li mistennija jkollhom effett qawwi fuq l-iżvilupp ekonomiku tar-Russja. B’dan il-kunflitt diġa rajna ir-Rublu jaqla daqqa’ l-isfel meta mqabbel mad-Dollaru Amerikan.