David Malpass, il-kap tal-Bank Dinji wissa li l-invażjoni tar-Russja tal-Ukrajna tista’ twassal għal riċessjoni globali hekk kif il-prezzijiuet tal-ikel, l-enerġija u l-fertilizzanti qed jogħlew b’mod allarmanti u huwa diffiċli li d-dinja tara kif tevita riċessjoni.
Minbarra l-konsegwenzi tal-gwerra fl-Ewropa bejn ir-Russja u l-Ukrajna, hemm ukoll is-sensiela ta’ lockdowns tal-koronavirus fiċ-Ċina li qed ikomplu jżidu mat-tħassib dwar pressjonijiet ekonomiċi.
Il-kummenti tal-kap tal-Bank Dinji huma l-aħħar twissija dwar ir-riskju li qed jiżdied li l-ekonomija dinjija tista tibda tiċkien bil-konsegwenza li l-prodott gross domestiku globali jibda jonqos.
Il-fatt li l-prezzijiet tal-enerġija kważi rduppjaw hija biżżejjed biex twassal għal riċessjoni dinjija. Ix-xahar li għadda, il-Bank Dinji naqqas it-tbassir tat-tkabbir ekonomiku globali tiegħu għal din is-sena bi kważi punt perċentwali għal 3.2%.
Il-Prodott Gross Domestiku huwa kejl tat-tkabbir ekonomiku u huwa wieħed mill-aktar modi importanti ta’ kif titkejjel kemm qed taħdem tajjeb jew ħażin ekonomija u hija osservata mill-qrib mill-ekonomisti u l-banek ċentrali.
Il-PGD jgħin ukoll lin-negozji biex jiġġudikaw meta għandhom jespandu u jimpjegaw aktar ħaddiema jew inkella jinvestu inqas u jnaqqsu mill-ħaddiema tagħhom.
Il-gvernijiet jużawh ukoll biex jiggwidaw deċiżjonijiet dwar kollox, mit-taxxa sal-infiq. Huwa kejl ewlieni flimkien mal-inflazzjoni għall-banek ċentrali meta jikkunsidraw jekk għandhomx jgħollu jew inaqqsu r-rati tal-imgħax.
Il-Kap tal-Bank Dinji irrimarka wkoll li ħafna pajjiżi Ewropej għadhom jiddependu wisq fuq ir-Russja għaż-żejt u l-gass. Dan anke jekk il-pajjiżi tal-Punent qed jaraw kif jagħmlu u jmexxu ‘l quddiem pjanijiet biex inaqqsu d-dipendenza tagħhom fuq l-enerġija Russa.
Il-prezzijiet ogħla tal-enerġija kienu diġà qed iħallu effett fuq il-Ġermanja, li hija l-akbar ekonomija fl-Ewropa u r-raba’ l-akbar fid-dinja.
Il-pajjiżi li qed jiżviluppaw qed jiġu affettwati wkoll minn nuqqas ta’ fertilizzant, ikel u enerġija, qal is-Sur Malpass.
Il-kap tal-Bank Dinji qajjem ukoll tħassib dwar il-lockdowns f’xi bliet ewlenin taċ-Ċina – inkluż iċ-ċentru finanzjarju, tal-manifattura u tat-tbaħħir ta ‘Shanghai u qal li dawn għandhom ramifikazzjonijiet jew impatti ta’ tnaqqis fuq id-dinja.
Iċ-Ċina kienet diġà għaddejja minn tnaqqis fil-proprjetà immobbli, u għalhekk it-tkabbir imbassar taċ-Ċina qabel l-invażjoni tar-Russja kienet diġà tnaqqset sostanzjalment.
Nhar l-Erbgħa wkoll, il-prim ministru Ċiniż Li Keqiang qal li t-tieni l-akbar ekonomija fid-dinja ntlaqtet aktar mill-aħħar rawnd ta ‘lockdowns milli kienet fil-bidu tal-pandemija fl-2020. Huwa appella wkoll għal aktar azzjoni mill-uffiċjali biex il-fabbriki jerġgħu jib dew jiffunzjonaw wara t-tneħħija tal-lockdowns.
Xi provinċji fiċ-Ċina qed jirrappurtaw li 30% biss tan-negozji reġgħu fetħu iżda hemm il-possibilta li dawn jitilgħu għal 80% f’qasir ta ‘żmien.
Dan wara li ġew imposti lockdowns sħaħ jew parzjali f’għexieren ta’ bliet Ċiniżi f’Marzu u April, inkluż lockdown twil f’Shanghai.
Fl-aħħar ġimgħat, iċ-ċifri uffiċjali wrew li partijiet kbar tal-ekonomija ġew affettwati, mill-manifatturi sal-bejjiegħa bl-imnut.