Thursday, December 26, 2024

L-invażjoni tal-alleati fin-Normandija… Pjan biex it-tifkira tkun kummerċjalizzata imma veterani joġġezzjonaw

Aqra wkoll

Minn Victor Vella

Għaddew aktar minn 75 sena minn mindu l-alleati għamlu l-invażjoni fin-Normandija u minn hemm bdiet bil-mod il-mod il-forzi tal-Ġermanja Nażista bdew jiġu imbuttati lura. Kienu battalji imdemmijin għal aħħar fejn intilfu eluf kbar ta’ ħajjiet. Illum ħafna minn dawk is-suldati li ġġieldu dawn il-battalji mietu. Il-veterani li fadal illum, minħabba l-età qegħdin ukoll dejjem jonqsu.

Meta titkellem ma’ daw il-voluntiera jisħqulek fuq ħaġa waħda – ‘araw li dak li seħħ, dak li ġġilidna għalih ma jintesiex’. Forsi l-ewwel ħsieb li jiġik hu dak ta’ ‘kif nistgħu ninsew?’. Mhux kull sena nfakkru dak li seħħ biex dan ma jerġgħax jiġri”.

Bil-Malti ngħidu ‘iż-żmien inessi’ u dan hu parti mill-periklu meta jgħaddi ammont ta’ żmien minn fuq ġrajjiet simili. Dawk li jiftaku dak li seħħ jew it-tbatijiet jibdew jonqsu waqt li l-ġenerazzjonijiet ta’ wara, aktar ma jgħaddu snin, aktar jibdew ikunu passivi lejn ġrajjiet simili. Aktar iħossuhom maqtugħin. Faċilment xi ħadd joħroġ b’xi ħaġa li jkollha għan tajjeb, iżda minħabba li min joħroġ biha ma jkunx għex dawk iż-żminijiet, din faċilment tista’ turta lil veterani li ħadu sehem fl-invażjoni. Hekk ġara riċentament fi Franza. Tħabbru pjani biex l-invażjoni tad-D Day tkun kummerċjalizzata u dan billi jsir park li juri dak li sar. Dan f’żona li jżuruha eluf ta’ turisti fis-sena.

Il-ġlieda minn veterani fi Franza

Grupp ta’ suldati veterani Franċiżi u d-dixxendenti tagħhom bħalissa għaddejjin b’kampanja kontra pjan li se jiġi jiswa xejn inqas minn €58 miljun. 

Il-proġett ‘Homage to Heroes’ , li jekk isir se jkun qed jintwera f’teatru ta’ 800 seat, se jkun jinkludi fih atturi li jinterpretaw xeni dak il-ħin u filmati antiki ta’ dak li verament ġara.

L-organizzaturi ta’ dan il-proġett qed jistmaw li dan il-proġett jista’ jattira xejn inqas minn 600,000 turist fis-sena. Hu ppjanat li dan il-proġett jiġi inawgurat fit-80 anniversarju mindu seħħet id-D Day, jiġifieri fis-sena 2024.

Jitkellem Roberto Ciurleo, wieħed mit-tlett produtturi ta’ dan il-proġett. Hu jgħid li “staqsejna lilna infusna, kif nistgħu nħallu legat lit-tfal tagħna biex jibqgħu jiftakru dak li seħħ fin-Normandija. Illum issib diversi films, kotba u materjal ieħor, imma m’hemm ebda xow li tgħid l-istorja li għaddew minnha dawn in-nies”. 

‘Homage to Heroes’ se ġġib flimkien ammont kbir ta’ materjal arkivjat li ttieħed fi żmien il-gwerra. Se tintuża għodda ġdida biex tilħaq lill-ġenerazzjoni żagħżugħa f’lingwa li huma jifhmu, iddikjara Ciurleo.

Il-veteran m’għoġbithomx l-idea

Imma għadd imdaqqas ta’ veterani tal-gwerra fosthom dawk li ħadu sehem fl-invażjoni u għadhom ħajjin llum xejn m’huma jaqblu ma’ dan il-proġett. Hemm minnhom li qed isostnu li hemm nuqqas ta’ rispett lejn dawk li ġġieldu u mietu f’din l-invażjoni. 

“Il-gwerra mhix xow. Din hi l-istorja u wieħed għandu jirrispetta lin-nies. Lil dawk li taw ħajjithom biex nies oħra u l-ġenerazzjonijiet ta’ wara ħadu l-ħelsien mill-ġdid”, iddikjara Leon Gautier ta’ 98 sena, u li hu eks suldat mit-taqsima marittima Franċiża. Hu ġġieled spalla ma’ spalla flimkien ma’ suldati Ingliżi. 

“Iridu jagħmlu l-flus minn fuq l-istorja u aħna ma naqblux ma’ dan” iddikjara l-veteran Franċiż.

Gautier, iltaqa’ mal-organizzaturi tal-proġett fl-aħħar jiem u semgħa mingħandhom il-pjani li huma għandhom. Fi kliemu stess ftit li xejn indirizzaw it-tħassib tiegħu.

Veterani tal-gwerra Franċiżi semmgħu ukoll it-tħassib tagħhom fuq il-ġurnali Franċiżi u anke bagħtu diversi ittri lill-politiċi Franċiżi. Wieħed mill-politiċi Franċiżi li intbagħtulu ittri b’ilmenti kien il-President tar-reġjun tan-Normandija, Hervè Morin. Dan kien wieħed minn dawk li ddikjara ruħu favur il-proġett.

 Jidher li l-organizzaturi qegħdin jagħmlu sforzi ma jaqtgħu xejn biex iġibu kemm jista’ jkun appoġġ għal dan il-proġett. Huma għamlu kuntatt u ġabu l-appoġġ ta’ assoċjazzjoni ta’ veterani fl-Istati Uniti. Jidher li qed isiru sforzi oħra biex ikun hemm aktar appoġġ minn assoċjazzjonijiet ta’ veterani li ħadu sehem fl-invażjoni tad-D Day.

In-National 4th Infantry Division Association kitbet ittra lill-organizzaturi ta’ dan il-proġett u qatlilhom li jħossuhom diżgustati kif xi ħadd jikkunsidra jew tiġih f’moħħu li l-art sagra tan-Normandija tinbidel f’park biex minnu jsir il-profitt. 

Ta’ min jgħid li fid-D Day , il-forzi tal-Alleati niżlu f’ħames xtajtiet fin-Normandija. Fost dawn kien hemm 23,000 suldat minn 4th Infantry Division, li kienu niżlu fil-bajja ta’ Utah. Xejn inqas minn 9,000 suldat minn din id-diviżjoni inqatlu fi ġlied f’temp ta’ xahrejn bejn Ġunju u Lulju.

L-organizzaturi qed jisħqu li “m’hemm ebda intenzjoni li nuru nuqqass ta’ rispett, jew li nagħmlu xi fun park minn dak li seħħ”, iddikjara Serge Denoncourt, li qed jikteb l-istorja għal dan ix-xow.

“Irridu niftħu bieb għat-tfal u żgħażagħ. Ħafna affarijiet jien ma kontx nafhom. Irrid inmur fuq ix-xatt f’Omaha u f’Colleville.”

Denoncourt, li kien idderieġa Cirque du Soleile f’Las Vegas, u produzzjonijiet oħra fl-Istati, il-Kanada u fl-Ewropea, qal li jinsab ixxukkjat bir-reazzjoni negattiva mill-veterani u dan meta hu kien għadu lanqas beda jikteb.

Hu qal li jistma li hemm bżonn minn tal-inqas sentejn oħra biex il-proġett jitlesta. Jiddikjara li hu qed jikkonsulta ma’ esperti storiċi biex jiżgura li ma jkunx hemm żbalji storiċi. Hu offra li jiltaqa’ mal-veterani li qed joġġezzjonaw u dan biex jispjegalhom id-dettalji bl-għan li anke huma japprova l-proġett.

L-organizzaturi qed jenfasizzaw li sa issa għadhom m’għażlux il-post ta’ fejn se jsir dan il-park iżda l-pjani qed jindikaw tlett żoni fin-Normandija. Fost dawn hemm Bayeux u Carentan, li diġa esprimew interess li jkunu parti minn dan il-proġett.

Stephane Grimaldi, id-direttur ta’ tlett mużewijiet u memorials fin-Normandija , The Caen Memorial Museum, l-Arromanches 360 Cinema Experience u l-Falaise Memorial, iddikjara li “meta wieħed jissuġġerixxi proġett fin-Normandija u dan biex juri x’ġara permezz tat-teknoloġija, il-mistoqsija m’hix dik li tgħid li ma taqbilx. Jista’ jkun li dawn jirnexxielhom jgħinu lit-tfal u żgħażagħ biex jifhmu dak li ġara dakinhar”. 

Ekonomija

Sport