Sunday, December 22, 2024

L-invażjoni tar-Russja fl-Ukrajna: Abramovich jintalab biex jgħin biex tintlaħaq riżoluzzjoni

Aqra wkoll

Is-sid ta’ Chelsea, Roman Abramovich, intalab mill-Ukrajna biex jgħin biex jappoġġja t-tentattivi tagħhom biex jilħqu “riżoluzzjoni paċifika” mar-Russja, qal il-kelliem tal- biljunarju.

Huwa żied li Abramovich ġie kkuntattjat minn uffiċjali Ukreni u “ilu jipprova jgħin minn dak inhar”.

L-Ukrajna sejħet għal waqfien mill-ġlied qabel taħditiet għall-paċi fil-Belarus.

Il-President Russu Vladimir Putin nieda invażjoni militari tal-pajjiż ġar, l-Ukrajna, nhar il-Ħamis.

Il-Ministeru tas-Saħħa tal-Ukrajna qal nhar il-Ħadd li 352 persuna ċivili, inklużi 14-il tifel, kienu nqatlu minn meta bdiet l-invażjoni tar-Russja.

Abramovich ħabbar nhar is-Sibt li “l-amministrazzjoni u l-kura” tal-club ta’ Chelsea kienet qed tingħata lil-fiduċjarji tal-fondaz­zjoni tal-karità ta’ Chelsea FC.

Abramovich – li jibqa’ sid ta’ Chelsea b’£1.5 biljun mislufa lill-club – ma rreferiex għall-invażjoni tar-Russja tal-Ukrajna fl-is­tqarrija tiegħu.

Ir-raġel ta’ 55 sena huwa wieħed mill-aktar nies sinjuri tar-Russja u huwa maħsub li hu qrib il-President Russu, Putin.

Id-direttur u produttur tal-films Ukren, Alexander Rodnyansky, ikkonferma l-involviment tas-sid ta’ Chelsea f’tentattivi biex tintlaħaq riżoluzzjoni paċifika, iżda żied li huwa nċert mill-impatt li se jkollu.

“Nista’ nikkonferma li n-naħa tal-Ukrajna qed tipprova ssib xi ħadd fir-Russja lest li jgħinhom biex isibu riżoluzzjoni paċifika,” qal Rodnyansky.

“Huma konnessi ma’ Roman Abramovich permezz tal-kommunità Lhudija u laħqu miegħu għall-għajnuna. Abramovich ilu jipprova jimmobilizza appoġġ għal riżoluzzjoni paċifika minn dak inhar.

“Għalkemm l-influwenza ta’ Abramovich hija limitata, huwa l-uniku wieħed li wieġeb u ħa fuqu biex jipprova.

“Jekk dan ikollu impatt jew le, ma nafx, iżda jiena f’kuntatt mal-istaff tal-President tal-Ukrajna, Volodymyr Zelensky, jien stess, u naf li huma grati għall-isforzi ġenwini tiegħu.”

Għadu mhux magħruf jekk Abramovich hux se jiġi sanzjonat bħala parti mill-miżuri tal-gvern tar-Renju Unit kontra r-Russja, u l-fiduċjarji tal-fondazzjoni tal-karità ta’ Chelsea għadhom ma qablux li jieħdu l-kontroll tal-club.

Membri tal-fondazzjoni tal-karità ltaqgħu nhar il-Ħadd biex jiddiskutu s-sitwazzjoni, iżda xi wħud għandhom tħassib dwar jekk ir-regoli tal-Kummissjoni tal-Karità jippermettulhomx imexxu l-club bl-avukati tal- fondazzjoni qed jesploraw x’jista’ jsir.

Ekonomija

Sport