Sunday, December 22, 2024

L-investigazzjoni dwar l-isplużjoni ta’ Bejrut terġa’ tiġi mwaqqfa

Aqra wkoll

L-investigazzjoni dwar l-isplużjoni katastrofika fil-port ta’ Bejrut kellha terġa’ tiġi mwaqqfa għat-tieni darba f’inqas minn tliet ġimgħat u dan wara li żewġ politikanti li kienu se jiġu interrogati ressqu lmenti fil-konfront tal-investigatur ewlieni li qiegħed imexxi dan il-każ. 

Din kienet daqqa ta’ ħarta oħra għall-Imħallef Tarek Bitar fl-isforz tiegħu biex jinterroga uffiċjali tal-gvern li t-tmexxija ħażina tagħhom allegatament wasslet għall-isplużjoni tal-4 ta’ Awwissu tas-sena li għaddiet. F’din l-isplużjoni kienu tilfu ħajjithom 200 persuna u kkawżat ħsarat devastanti madwar Bejrut. Din hija meqjusa bħala l-ikbar splużjoni mhux nukleari ta’ kull żmien. 

Bitar jinsab taħt pressjoni enormi minn għadd ta’ gruppi li qed jakkużawh li l-investigazzjoni tiegħu hija mtappna minn indħil politiku u dawn qiegħdin jagħmlu kampanija qawwija kontrih. Uħud qegħdin jitolbu biex Bitar jitneħħa mill-investigazzjoni. 

L-investigazzjoni kienet ġiet sospiża wkoll f’Settembru li għadda minħabba mistoqsijiet li kienu tqajmu dwar l-imparzjalità ta’ Bitar. Iżda dakinhar il-qorti kienet ċaħdet dan u Bitar kien tħalla jkompli jinvestiga. 

Bitar beda jmexxi din l-investigazzjoni fi Frar meta huwa kien ħa post l-Imħallef Fadi Sawan li kien tneħħa fuq ilmenti li politiċi kienu ressqu – l-istess politiċi li llum qed jagħmlu mistoqsijiet fuq il-newtralità ta’ Bitar. Ftit qabel ġie informat bl-aħħar ilment, Bitar kien ħareġ mandat ta’ arrest fil-konfront tal-eks ministru tal-finanzi Ali Hassan Khalil. Khalil hu wieħed minn dawk li ressaq l-ilment fil-konfront ta’ Bitar. Il-mandat ta’ arrest fil-konfront tiegħu ħareġ wara li dan naqas milli jattenti għall-interrogazzjoni.

Politiku ieħor li kien mistenni li jiġi interrogat illum hu l-eks ministru tax-xogħlijiet pubbliċi Ghazi Zeiter. 

Ekonomija

Sport