Il-ftuħ ta’ aktar ċentri tal-anzjanità attiva f’pajjiżna huwa essenzjali. Dan għaliex permezz tagħhom, persuni akbar fl-età qed jiġu offruti opportunitajiet sabiex jibqgħu attivi fiżikament, mentalment u soċjalment. Dawn iċ-ċentri huma mifruxa madwar Malta, bl-aħħar wieħed li ġie inawgurat kien proprju fir-Rabat, ta’ Malta.
B’dan iċ-ċentru, il-Gvern qiegħed ikompli jassigura li l-anzjani, mhux biss Rabtin imma wkoll oħrajn minn lokalitajiet fil-viċin, jibqgħu attivi għaliex se jkomplu jkollhom opportunitajiet biex jiltaqgħu, jitgħallmu u jgawdu l-ħajja fil-komunità fejn trabbew u għexu ħajjithom.
Bla dubju li dawn iċ-Ċentri tal-Anzjanità Attiva jibqgħu pilastru fundamentali fl-istrateġija ewlenija tal-Gvern Laburista, intiża sabiex l-anzjani tagħna jiffunzjonaw fil-komunità fl-aspett kollha b’mod kemm jista’ jkun indipendenti.
Huwa għalhekk li ma nistgħux ma nfaħħrux l-isforzi kollha li qed isiru, mis-Segretarjat responsabbli għall-Anzjanità Attiva flimkien mal-Ministeru tas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva. Kif nemmnu li l-investiment tal-Gvern Laburista f’dawn iċ-ċentri – sew biż-żieda fil-kullana ta’ Ċentri ta’ Anzjanità Attiva kif ukoll fir-rinovazzjoni ta’ ċentri oħra – se jitkompla.
F’dan il-kuntest ninnutaw li dan is-settur qed ikompli jimmodernizza ruħu u jespandi s-servizzi tiegħu biex jindirizza b’mod effettiv il-ħtiġijiet li kontinwament qed jinbidlu tal-popolazzjoni Maltija li qed dejjem tixjieħ u fl-istess ħin tgħix aktar.
F’dan ir-rigward qed ikunu introdotti mudelli ta’ kura innovattivi filwaqt li qed ikomplu jissaħħu l-iskemi li jippromwovu l-anzjanità attiva, l-indipendenza u t-titjib fil-kwalità tal-ħajja għall-anzjani.
Insemmu ż-żieda fil-ħlasijiet u l-benefiċċji fl-iskema tal-Carer at Home kif ukoll id-diversi miżuri ta’ sostenn għal anzjani li jiddeċiedu li jibqgħu fl-impjieg anki wara li jilħqu l-età tal-irtirar. Inċentivi bħalma huma dawn iwasslu biex ma tintilifx l-esperjenza prattika li dawn l-anzjani jistgħu jgħaddu lil ta’ warajhom.
U proprju dwar din nilqgħu wkoll l-aħbar mogħtija mill-Prim Ministru Robert Abela illi f’dawn il-jiem se jidħol fis-seħħ avviż legali ġdid li se jippermetti li dawk il-pensjonanti li, minbarra l-pensjoni, għandhom dħul ieħor, bħal xogħol part-time, mhux se jħallsu taxxa aktar fuq id-dħul tagħhom.



