Sunday, April 12, 2026

L-investiment fil-faċilitajiet sportivi u l-opportunitajiet għaż-żgħażagħ enfasizzati f’diskussjoni dwar iż-Żgħażagħ u l-Isports

Aqra wkoll

Il-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri sostna li l-infrastruttura sportiva tibqa’ essenzjali biex jiżdiedu r-riżultati u l-parteċipazzjoni fl-isport, u li l-Gvern impenjat li jkompli jinvesti f’faċilitajiet moderni u ta’ livell internazzjonali, fosthom trakka tal-atletika f’Għawdex, sabiex l-atleti jkunu jistgħu jirnexxu. Dan qalu waqt laqgħa ta’ diskussjoni għal Għawdex bit-tema Żgħażagħ u Sports, li saret fil-Padiljun Sportiv u Akkwatiku u li ffukat fuq l-importanza tal-infrastruttura sportiva u l-opportunitajiet għaż-żgħażagħ, b’enfasi partikolari fuq Għawdex.

Il-Ministru Camilleri rrefera wkoll għall-Padiljun Sportiv u Akkwatiku fir-Rabat, Għawdex, li qed ikun apprezzat kemm lokalment kif ukoll minn viżitaturi barranin, u li kien pass importanti ’l quddiem għall-iżvilupp tal-isport fil-gżira. F’dan il-kuntest, il-President tal-GUG, Matthew Grech, iddeskriva dan il-Padiljun bħala proġett kruċjali li mhux biss isaħħaħ l-isports, iżda joffri wkoll opportunitajiet ġodda, inkluż bħala niċċa turistika u bħala mezz biex iż-żgħażagħ jiżviluppaw karriera fl-isport.

Il-Ministru semma wkoll kif Għawdex diġà qed jospita kompetizzjonijiet nazzjonali u internazzjonali, fosthom avvenimenti tal-waterpolo u żfin artistiku, filwaqt li fil-futur se jospita aktar avvenimenti ta’ livell għoli, inklużi parti mid-dixxiplini tal-Youth Commonwealth Games 2027.

L-atleti Charlton Debono u Matthew Xuereb qasmu l-esperjenzi tagħhom, fejn enfasizzaw l-importanza tal-parteċipazzjoni f’kompetizzjonijiet internazzjonali sabiex jitjieb il-livell sportiv, kif ukoll il-valur emozzjonali li wieħed jirrappreżenta lil Għawdex barra minn xtutna, b’mod partikolari f’avvenimenti bħall-Island Games.

Fl-istess waqt, ġie nnutat li minkejja l-progress li sar, għad hemm il-ħtieġa ta’ aktar investiment, b’mod partikolari fil-bini ta’ trakka tal-atletika, li tibqa’ faċilità importanti meħtieġa f’Għawdex. Hawnhekk, il-Ministru Clint Camilleri qal li “Nemmen li dawn huwa biss il-bidu, għaliex il-kullana ta’ faċilitajiet li għandna għall-gżira ta’ Għawdex, filwaqt li hawnhekk għandna ħafna faċilitajiet ġodda, importanti u ta’ standards internazzjonali, fadal xi faċilitajiet li għad iridu jsiru, u hawn insemmi t-trakka tal-atletika. Hija waħda forsi mill-aħħar faċilitajiet, u xi kultant kważi l-iżjed importanti, li għad ma għandniex fil-gżira ta’ Għawdex.”

Il-Ministru tkellem ukoll dwar miżuri soċjali favur l-istudenti Għawdxin, fosthom “L-introduzzjoni ta’ sussidju ta’ €280 fix-xahar lill-istudenti Għawdxin li jinżlu jistudjaw Malta. Dan jingħaqad mal-istipendju nazzjonali li riċentement żdied bi 15%, sabiex l-istudenti jkunu jistgħu jiffokaw aktar fuq l-istudji tagħhom.”

Min-naħa tiegħu, il-President tal-GUG Matthew Grech innota li din l-għotja finanzjarja kienet ta’ għajnuna konkreta għall-istudenti Għawdxin fl-aħħar snin, filwaqt li enfasizza l-ħtieġa li jkomplu jiġu introdotti inizjattivi li jsaħħu l-kollaborazzjoni bejn l-istudenti, fosthom spazji dedikati bħal hubs f’Għawdex.

Il-Ministru Clint Camilleri tenna wkoll l-impenn tal-Gvern lejn il-mobbiltà soċjali, sabiex kull żagħżugħ u żagħżugħa jkollhom opportunitajiet ugwali, irrispettivament minn fejn ġejjin.

Il-Gvern jibqa’ impenjat li jkomplu jsiru investimenti strateġiċi fl-isport u fl-edukazzjoni, sabiex jinħolqu aktar opportunitajiet għaż-żgħażagħ u jissaħħaħ il-potenzjal tagħhom.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport