It-tradizzjonijiet Maltin fl-ibliet u l-irħula tagħna jibqgħu element importanti li, bħall-ilsien Malti, jagħtuna identità u jiddistingwuna minn popli u ġnus oħra. Huma tradizzjonijiet li jmorru lura snin twal u għalhekk li wieħed jibqa’ fakkarhom u anke jkompli jinvesti fihom huwa kruċjali biex dawn jinżammu ħajjin. U aktar ma jgħaddi ż-żmien aktar in-nies qiegħda tapprezza dan kollu. Xhieda ta’ dan hi l-konkorrenza li qed ikun hemm, mhux biss mill-Maltin u l-Għawdxin imma wkoll mit-turisti li jkunu qegħdin iżuru dawn il-gżejjer, fil-bosta attivitajiet kulturali li jiġu organizzati matul ix-xhur kollha tas-sena.
Proprju fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet, ittella’ programm ta’ attivitajiet b’rabta mal-Imnarja, li kompliet tippromwovi u tesponi dak kollu li tradizzjonalment huwa assoċjat ma’ din il-festa pubblika Maltija, bil-qofol ta’ kollox ikun fil-Buskett. Kienet festa li fiha reġgħet kienet rikonoxxuta l-ħidma, id-dedikazzjoni u l-kontribut kruċjali tal-bdiewa, ir-raħħala u l-ħaddiema fl-agrikoltura Maltija. Fuq kollox, serviet bħala tifkira ta’ kemm il-biedja u l-agrikoltura huma fundamentali għall-identità tagħna.
Ma rridux ninsew iżda li l-Imnarja hija wkoll il-festa tal-prodotti agrikoli u tfakkarna dwar l-għaraq tal-bidwi lokali li kontra kull element joħroġ biex jieħu ħsieb u jkabbar prodotti lokali u friski. F’dan ir-rigward, nemmnu li okkażjoni bħal dik tal-Ħadd li għadda kienet importanti biex tkompli tagħti dik l-ispinta meħtieġa lis-settur agrikolu Malti.
Irridu għalhekk inkomplu nħarsu dak kollu li jagħmilna Maltin, bil-Gvern qiegħed ukoll jieħu diversi inizjattivi biex jagħti s-sostenn tiegħu lil dan is-settur fl-istess waqt li jinvesti fil-kultura u t-tradizzjonijiet Maltin. L-istess kif qiegħed jagħmel fil-festi, b’ħemel ta’ inizjattivi li ttieħdu biex jgħinu lil dawk li b’mod volontarju jagħmlu possibbli l-festi fl-ibliet u l-rħula li.huma parti kbira mill-prodott kulturali li joffru Malta u Għawdex.
Għalhekk nemmnu li tradizzjonijiet bħal dawn m’għandhom jinqatgħu qatt biex il-ġenerazzjonijiet futuri jkunu jafu kif kienet il-ħajja ta’ missirijietna, japprezzaw aktar ix-xogħol siewi li sar u li qiegħed isir u anke forsi jkun hemm min jidħol hu għal dan ix-xogħol u b’hekk dawn it-tradizzjonijiet ikomplu għaddejjin.