Tuesday, July 22, 2025

L-INVESTIMENT FIR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI PRIJORITÀ

Aqra wkoll

Ir-riċerka u l-innovazzjoni huma fost il-pilastri ewlenin li fuqhom trid tinbena l-ekonomija Maltija. Bil-Gvern qiegħed jagħraf il-potenzjal ta’ dawn l-oqsma anke sabiex ikompli jinħoloq aktar ġid u impjiegi ta’ kwalità għall-Maltin u l-Għawdxin.

Ngħiduha kif inhi, aktar ma jsir investiment f’dawn is-setturi, aktar inkunu qegħdin nilqgħu għall-avvanzi teknoloġiċi li qed iseħħu madwarna b’ritmu mgħaġġel. Wieħed irid iqis ukoll l-importanza ta’ dawn is-setturi anke fl-isfond tat-titjib fir-reputazzjoni ta’ pajjiżna biex jiġu attirati aktar investimenti lejn il-pajjiż. 

Dan l-aħħar l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika ħareġ ukoll statistika f’dan ir-rigward fejn irriżulta li fl-2023, in-nefqa fuq ir-riċerka u l-iżvilupp kienet tlaħħaq il-€121 miljun. Din iċ-ċifra tirrifletti żieda ta’ €16.1 miljun fuq l-2022. 

Għaldaqstant, dan minnu nnifsu juri kemm oqsma bħal dawn qegħdin jingħataw importanza anke fid-dawl tal-impatt li proġetti ta’ riċerka jħallu fis-soċjetà. U huwa għalhekk ukoll li l-Università ta’ Malta qiegħda tkompli tinvesti f’aktar proġetti u tidħol f’kollaborazzjonijiet ma’ entitajiet diversi f’oqsma varji. Kollaborazzjonijiet li jvarjaw mill-promozzjoni tax-xjenza biex tkun aktar aċċessibbli għal persuni b’diżabilità sa oħrajn li jservu t’għajununa kbira fil-qasam tas-saħħa fost oħrajn. 

Fl-isfond ta’ dan kollu huwa essenzjali li r-riċerka u l-innovazzjoni mhux biss jibqgħu jkunu prijorità iżda wkoll li t-tfal ikunu mħejjija sew biex ikunu parti minn din it-trasformazzjoni, b’mod partikolari fl-Intelliġenza Artifiċjali.

Nemmnu li ekonomija moderna ma tistax tgħaddi mingħajr ir-riċerka u l-innovazzjoni. Jekk ma tagħmilx dan titlef il-pass mal-kompetituri tagħha bil-konsegwenza li taqa’ lura. Għalhekk dik l-ispinta meħtieġa f’dawn l-oqsma hi kruċjali. 

Ir-riżultati miksuba u l-investiment li qed isir f’dawn l-oqsma jmorru wkoll id f’id mal-Viżjoni Malta 2050, li tpoġġi r-reżiljenza, it-tmexxija diġitali u ħaddiema mħejjija għall-futur bħala prjoritajaiet ewlenin. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport