Friday, September 19, 2025

L-investiment fl-edukazzjoni se jibqa’ għaddej b’mod b’saħħtu favur l-aqwa għal uliedna

– il-Prim Ministru waqt laqgħa ta’ konsultazzjoni mal-MUT dwar il-Budget 2026

Aqra wkoll

Waqt laqgħa ta’ konsultazzjoni mal-Malta Union of Teachers (MUT) fil-Berġa ta’ Kastilja, il-Prim Ministru Robert Abela saħaq li l-Gvern se jkompli jassigura li nagħtu l-aqwa għal uliedna billi nibqgħu ninvestu b’mod qawwi fis-settur edukattiv. Dr Abela qal li minn dan l-investiment igawdi kulħadd, l-istudenti u anki l-edukaturi li fl-aħħar xhur komplew igawdu minn l-aqwa investiment fihom bi ftehimiet li fissru żidiet u titjib qawwi fil-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom.

Il-Prim Ministru nnota kif id-djalogu miftuħ u d-diskussjonijiet kostruttivi mal-partijiet interessati u rappreżentanti tal-edukaturi f’pajjiżna dejjem wasslu għal tragwardi pożittivi. “B’kollox is-sena l-oħra għalaqna ħames ftehimiet settorjali li jkopru istituzzjonijiet edukattivi tal-istat, tal-Knisja u anke iskejjel indipendenti. Fihom investejna aktar minn €95 miljun li qed jissarfu f’benefiċċju dirett għal 7,766 edukatur,” innota Dr Abela. Dawn il-ftehimiet kollettivi wasslu sabiex illum l-edukaturi qed jirċievu rikonoxximent mistħoqq għall-progress professjonali tagħhom permezz ta’ allowances relatati mal-kwalifiki, flimkien ma’ aġġustamenti relatati max-xogħol li jagħmlu. Fl-istess waqt, l-investiment kontinwu li qed isir fl-iskejjel,  qed iwassal biex l-edukaturi jgawdu wkoll minn spazji moderni u sbieħ. 

“Qegħdin nagħtu spinta qawwija lill-edukazzjoni diġitali u lil-iSTEM. Hemm bżonn li nkomplu naħdmu biex fil-futur pajjiżna ikollu qasam tax-xogħol attrezzat b’ħiliet neċessarji. Dawn filwaqt li nibqgħu minn ta’ quddiem f’dak li għandu x’jaqsam mal-innovazzjoni, l-iżvilupp u l-progress,” sostna l-Prim Ministru.  Permezz tal-programm One Device Per Child qed jitqassmu aktar minn 9,300 apparat lill-istudenti, u bl-istrateġija diġitali l-ġdida se jiddaħħlu għodod innovattivi bbażati fuq AI li qed ikomplu jsaħħu t-tagħlim tal-istudenti.

Il-Prim Ministru nnota kif fl-istess ħin, l-ammont ta’ tfal li qed jitilqu mill-iskola kmieni naqas għal 9.6%. Dan ifisser li meta nikkumparaw ma’ snin preċedenti, illum għandna lanqas ammonti ta’ studenti li qed jitilqu mill-iskola kmieni.  

Waqt din il-laqgħa ta’ konsultazzjoni pparteċipaw ukoll il-Ministri Clifton Grima u Julia Farrugia, is-Segretarju Parlamentari Rebecca Buttigieg, d-Deputati Rosianne Cutajar u Abigail Camilleri u l-Kap tas-Segretarjat tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru, Mark Mallia.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport