Kull deċiżjoni li nieħdu bħala Ministeru, kemm jekk hi dwar triq ġdida jew dwar ir-riġenerazzjoni ta’ żona sħiħa, tibda b’mistoqsija sempliċi. Dan il-proġett x’qed jagħti lura lill-komunità? Kwalunkwe investiment fl-infrastruttura, il-qalb tiegħu ma jkunx il-binja, jew il-manutenzjoni. Il-qalb iddur madwar kif in-nies jgħixu, jimxu u jiltaqgħu. Is-suċċess ma jitkejjilx biss bl-ammont ta’ proġetti li nlestu, iżda b’kemm intejbu l-kwalità tal-ħajja ta’ dawk li jużawhom.
F’dawn l-aħħar xhur, din il-filosofija mexxiet kull strateġija tagħna. Madwar Malta, spazji li darba kienu minsijin jew limitati għall-funzjoni tagħhom biss qed jinbidlu f’postijiet fejn in-nies jerġgħu jiltaqgħu. F’Wied il-Għajn, qed naraw riġenerazzjoni sħiħa. Il-bajjiet u dalwaqt, il-promenade, il-bandli u l-moll li ser joħloq konnessjoni ġdida bil-fast ferry lejn il-Belt Valletta. Dawn ser joħolqu “ambjent soċjali” ġdid, spazju fejn ir-residenti jistgħu jimxu filgħaxija, fejn it-tfal jilgħabu b’mod sigur u fejn il-ħwienet lokali jkomplu jattiraw eluf ta’ Maltin lejn raħal prominenti fin-Nofsinhar ta’ Malta.
L-istess ħsieb hu l-qofol tax-xogħol f’Marsaxlokk, fejn il-żoni pedonali u x-xogħol fuq il-bajja u ċ-ċentru akwatiku ser jerġgħu jagħtu iktar sens ta’ identità lill-komunità lokali u joffri prodott turistiku aħjar. Permezz ta’ investiment infrastrutturali ser nagħtu ukoll spazju sabiex ż-żgħażagħ jikbru fl-isport u jżommu ruħhom attivi.
Din l-idea ta’ spazju għan-nies tmur lil hinn mill-estetika. Hi wkoll il-qofol tal-mod kif qed nerġgħu naħsbu l-mobilità. Għal żmien twil, it-trasport f’Malta kien iffukat fuq il-karozzi aktar milli fuq il-moviment tan-nies. Imma, anka minn eżempji oħra Ewropej, qed nifhmu li l-komunitajiet jgħixu aħjar meta l-pass tagħhom ikun imfassal fuq il-bniedem, mhux fuq il-vettura.
Għalhekk qed ninvestu fit-traġitt innifsu li jgħaqqdu lin-nies, mhux biss destinazzjonijiet. In-network tas-C-SAM għar-roti hu parti minn din il-bidla. Qed nibnu rotot siguri u kontinwi biex il-ċikliżmu jsir alternattiva vera għal vjaġġi qosra bejn lokalitajiet.
Dan kollu jmexxih il-prinċipju tal-mobilità attiva, li nħeġġu lin-nies jimxu u jiċċaqalqu b’modi aktar nodfa u b’saħħithom. Toroq u proġetti ġodda qed jinkludu ambjent aħjar, b’bankini aktar wiesgħa u siġar fejn possibbli, biex dak li darba kien kurutur ieħor dedikat għal-karozzi isir alternattiva reali u parti mis-soċjetà tar-raħal. Il-proġett ta’ Vjal il-Kulħadd juri eżatt dan: mhux biss rabta tat-trasport iżda sinjal ta’ inklużjoni, triq maħsuba għal kulħadd, min isuq, min juża r-roti jew min jimxi.
Din hi bidla fil-mentalità. Qed nitbiegħdu minn fehma li l-infrastruttura hija l-end goal għal problema, lejn fehma fejn l-infrastruttura mhux biss issolvi l-isfida imma tkun katalista għal kif ngħixu aħjar. Bidla fil-mentalità li qed nwassluha wkoll b’ Reshaping Our Mobility.
Mhux biss qed noffru rotot jew infrastruttura ġdida, imma qed nibnu kultura ġdida ta’ moviment. Kultura fejn il-mobilità ma tfissirx aktar karozzi, iżda aktar għażliet bħat-trasport pubbliku, il-ferry, ir-rta u anke l-mixi. Fejn kull persuna, irrispettivament minn fejn tgħix jew kif tivvjaġġa, tkun tista’ tasal fid-destinazzjoni b’aktar sigurtà, tiċċaqlaq b’mod aktar sostenibbli u tgħix f’ambjent aktar nadif. Din hi ħidma fit-tul, li tgħaqqad it-trasport pubbliku, l-ippjanar urban u l-kwalità tal-ħajja f’politika waħda li tħares lejn il-bniedem qabel il-vettura.
Dan l-approċċ ifisser ukoll li nindirizzaw sfidi diffiċli, fejn toroq arterjali li għal snin twal qasmu lil lokalitajiet jsiru ċentru ta’ komunità. Ix-xogħol fuq l-Imsida Creek hu wieħed mill-aktar eżempji ambizzjużi ta’ dan il-ħsieb. Qed nittrasformaw bottleneck kroniku f’ħolqa prinċipali għar-road network ta’ Malta, f’żona sigura li tgħaqqad ir-raħal filwaqt li nintroduċu sistemi ġodda li jindirizzaw il-problema tal-għargħar u nżidu l-ispazji pubbliċi li jservu lin-nies taż-żona. Hawnhekk l-inġinerija qed tpoġġi l-ħajja ta’ kuljum fiċ-ċentru tal-ħidma tagħha.
Dan il-mod ta’ ħsieb qed jiddistingwi wkoll il-qasam marittimu tagħna. Il-portijiet u l-ibħra ta’ Malta mhumiex biss rotot ekonomiċi imma huma parti mill-identità tagħna bħala nazzjon. Għaldaqstant importanti li Malta tkun trend setter fis-settur. Din is-sena mexxejna ’l quddiem it-trasformazzjoni diġitali bis-sistema tal-e-certificates għar-reġistru Malti, li mhux biss tnaqqas il-burokrazija għas-sidien ta’ vapuri iżda ssaħħaħ il-fiduċja u l-effiċjenza tal-amministrazzjoni tagħna. F’settur fejn ir-reputazzjoni tħoll u torbot ma nistgħux nħallu s-suċċess tal-passat ikun skuża għall-passività.
Dan kien, u jibqa’, il-qofol tax-xogħol tagħna matul din is-sena. Kull pass li sar, fl-Imsida, Marsaxlokk, Wied il-Għajn kif ukoll f’toroq residenzjali u proġetti ta’ mobilità attiva jsaħħaħ din il-viżjoni. Inħarsu lejn l-infrastruttura bħala mezz ta’ tkabbir soċjali u ekonomiku, mhux bħala għan fih innifsu.
Issa, hekk kif nersqu lejn il-Baġit li ġej, dan l-approċċ jagħtina bażi soda biex inkomplu nibnu fuqha. Il-proġetti li tlestew u dawk li għadhom għaddejjin huma biss il-bidu ta’ bidla usa’ fil-mod kif Malta tħares lejn l-ispazju pubbliku, il-mobilità u l-kwalità tal-ħajja. Il-prijorità tagħna tibqa’ waħda: li kull investiment ikun investiment fik.