Hekk kif it-teknoloġija moderna, avvanzata u dik tal-informatika qegħdin ibiddlu d-dinja tax-xogħol b’passi mgħaġġla ħafna, li bilkemm qed inlaħħqu magħhom, b’danakollu l-Intelliġenza Artifiċjali mhijiex ta’ periklu għall-ħaddiema daqskemm konna naħsbu sa ftit tas-snin.
Filwaqt li nirrikonoxxu l-biżgħat u t-tensjonijiet li din ħolqot billi kien jingħad illi t-teknoloġija se tieħu post il-ħaddiema fiżikament fuq il-post tax-xogħol, b’danakollu hemm aspetti fejn l-intelliġenza artifiċjali tista’ tkun t’għajnuna kbira għall-ħaddiema stess.
Dan hu dovut għall-progress li qiegħed dejjem isir u saħansitra ħadd m’għandu kontroll fuqu. Imma, kif ngħidu bil-qalbi, minn dak li kien maħsub li hu ħażin partikolarment bl-iżvillupp tar-robotika, jistgħu joħorġu opportunitajiet pożittivi.
Prova ta’ dan, għalina l-Maltin, huwa l-investiment massiċċ li qed isir minn diversi Dipartimenti tal-Gvern sabiex mhux biss jitħaffef il-piż tax-xogħol minn fuq il-ħaddiem imma wkoll itejjeb il-kwalità tal-ħajja tal-poplu. Dan fosthom permezz ta’ makkinarju għat-tindif li jitħaddem bl-Intelliġenza Artifiċjali.
Żvilupp pożittiv f’dan is-sens huwa l-introduzzjoni ta’ drones apposta li l-għan huwa li jidentifikaw u jimmarkaw fejn hemm skart f’żoni fejn il-ħaddiema ma jkunux infurmati dwarhom. Permezz ta’ din it-teknoloġija se jkunu antiċipati dawk il-postijiet u spazji miftuħa fejn ikun hemm skart li ma jkunx għadu ġie identifikat. B’dan il-metodu jista’ jitnaqqas anke r-rimi tal-plastik li jkun mormi kif ġie ġie.
Minkejja l-isfidi li se ġġib magħha l-Intelliġenza Artifiċjali, nemmnu li l-ħaddiema m’għandhomx jiġu mnaffra minħabba f’dawn l-iżviluppi. Anzi, għall-kuntrarju, għandhom jibqgħu jingħataw l-għodod kollha biex ikampaw b’dawn il-bidliet mgħaġġla li qed iseħħu fil-postijiet tax-xogħol.
Dan ngħiduh għax nemmnu li l-progress ma jista’ jwaqqfu ħadd. Għalhekk anke aħna bħala Maltin għandna nagħrfu kif indawru dawn l-isfidi f’aktar opportunitajiet.
Ninsistu illi l-Gvern jibqa’ jkun kruċjali biex l-investiment li jsir, ikun adattat għal dawn iċ-ċirkostanzi moderni. B’hekk pajjiżna jkun jista’ jlaħħaq mal-iżviluppi li qed isiru f’pajjiżi oħra, imbiegħda jew viċin, meta jitqies li l-ekonomiji huma kważi marbutin ma’ xulxin u jiddependu waħda fuq l-oħra.