Sunday, August 3, 2025

L-IPOKREZIJA U L-INDIFFERENZA TAL-UE GĦALL-KATASTROFI UMANA … ĦOLQU IMPUNITÀ TOTALI GĦAL IŻRAEL F’GAŻA

Aqra wkoll

Fl-aħħar jiem u l-aħħar sigħat kompliet il-katastrofi umana f’Gaża. Katastrofi li fiha qegħdin naraw tfal u nies oħra imutu bil-ġuħ. Qegħdin naraw persuni li marru fiċ-ċentri fejn qed jitqassam l-ikel u spiċċaw maqtulin. Filmati u ritratti li qegħdin jinħarġu minn Gaża huma xokkanti. Iħalluk bla kliem.

Kultant kważi lanqas temmen dak li qed tara. Tfal li spiċċaw għadma u ġilda. Xi darba kienu tfal b’saħħithom. Issa litteralment skeletri. Wara ftit tinħareġ l-aħbar li mietu. F’moħħok jiġuk ħafna mistoqsijiet. Kif fis-sena 2025, il-bniedem kapaċi joħloq din il-katastrofi umana? Għaliex bqajna ma tgħallimniex minn dak li ġara fil-passat?

Imma ma tistax ma tistaqsix kif għandna gvern li jibqa’ għaddej b’dan il-massakru. Ejja ngħiduha kif inhi f’pajjiżu u anke barra il-Gvern ta’ Iżrael għandu oġġezzjonijiet kbar minn niesu għal dak li qed iwettaq.

M’hemmx dubju li l-appoġġ ta’ Iżrael, flimkien mal-ipokrezija u n-nuqqas ta’ azzjoni tal-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha ppermettew lil Iżrael ikompli bil-massakru tiegħu fuq il-Palestinjani f’Gaża. Dan qed jitwettaq b’impunità totali.
Għal dawn l-aħħar 22 xahar, l-awtoritajiet u l-forzi Iżraeljani wettqu kampanja ta’ kastig, inkluż spostament furzat fuq skala kbira u tindif etniku kontra l-Palestinjani f’Gaża.

Qtil tal-massa, il-qerda ta’ infrastruttura ċivili vitali, u imblokki li waqqfu l-aċċess għall-ikel, l-ilma, il-mediċini, u provvisti umanitarji essenzjali oħra. Li qiegħed jiġri hu li l-Gvern Iżrael qed jeqred sistematikament il-kundizzjonijiet meħtieġa għall-ħajja Palestinjana. Id-djar, l-isptarijiet, is-swieq, in-netwerks tal-ilma, it-toroq, u l-impjanti tal-enerġija ta’ Gaża sfaw meqruda. Dan sar b’intenzjoni.

L-Unjoni Ewropea u l-gvernijiet Ewropej għandhom il-mezzi politiċi, ekonomiċi u diplomatiċi biex jeżerċitaw pressjoni reali fuq Iżrael biex iwaqqaf dan l-attakk u tidħol l-għajnuna kemm ta’ ikel, mediċini u provvisti oħra.

Jidher ċar li l-Unjoni Ewropea u l-Istati membri tagħha jidhru li abdikaw it-tmexxija politika tagħhom. Dikjarazzjonijiet reċenti li għamlu l-Istati Ewropej, kritiċi ta’ kif qed titmexxa l-gwerra, jenfasizzaw l-ipokresija tagħhom. Dan hekk kif dawn l-istess pajjiżi ikomplu jipprovdu l-armi li qed jintużaw biex joqtlu, u jaħarqu lin-nies.

Rajna per eżempju dak li seħħ fl-Italja. Il-gvern Taljan ma jieħux passi biex iwaqqaf bastimenti li kienu f’port fl-Italja u li kienu fi triqithom lejn Iżrael bl-armi. Dak li m’għamilx il-Gvern Taljan, għamluh il-ħaddiema li ħarġu jipprotestaw.
Quddiem l-indifferenza u s-skiet tal-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi Ewropej, qegħdin naraw movimenti joħorġu fil-beraħ u jipprotestaw b’mod kontinwu.

Protesti li wasslu għal ċaqlieq żgħir min xi pajjiżi li iddikjaraw li issa se jirrikonoxxu lill-Palestina bħala Stat. Fost dawn kien hemm ir-Renju Unit. Min kien ilu sieket ħareġ ukoll jagħmel xi dikjarazzjoni anke jekk ma tantx inftehmet.
U quddiem id-dikjarazzjonijiet fosthom mir-Renju Unit li se jkun dikjarat Stat Palestinjan, ma nistgħux ma nistaqsuh, kif stenbħu issa. Wara 22 xahar ta’ kunflitt. Wara li inqatlu 60,000 persuna.

Wara li Gaża litteralment ġiet midħuna. U issa r-Renju Unit qed jgħidilna li se jirrikonoxxi l-Istat Palestinjan. Imma eżattament x’fadal mill-Palestina?Gaża miknusa. Ix-xatt tal-Punent dejjem jitnaqqasy u okkupat. X’fadal? U waqt li jgħidu dan, pajjiżi Ewropej l-aktar il-Ġermanja u l-Italja jesportaw armi lejn Iżrael. Ipokrezija fl-aqwa tagħha.

Lil hinn mill-ipokrezija ta’ pajjiżi Ewropej u tal-istituzzjonijiet Ewropej, m’hemm ebda dubju li l-ewwel pass li jrid isir hu li jieqaf il-kunflitt. Jidher li dan hu diffiċli. Għalhekk mhemmx triq oħra għajr dik li jkun hemm miżuri aktar iebsa biex issir il-pressjoni meħtieġa fuq Iżrael u dan il-massakru jieqaf. Massakru orkestrat tal-poplu Palestinjan, tindif etniku intenzjonat.

Biex titwaqqaf din il-katastrofi f’Gaża, hemm bżonn kuraġġ politiku, responsabbiltà legali, u impenn morali. Ma nistgħux nibqgħu bis-sitwazzjoni ta’ attakki militari kontra poplu assedjat fuq naħa u l-ipokresija tal-istati tal-Unjoni Ewropea li jitkellmu imma ma jaġixxux fuq naħa oħra.

U waqt li nibqgħu naraw il-katastrofi umana, l-Unjoni Ewroepa tkompli taġevola lil Iżrael b’aċċess preferenzjali għall-kummerċ permezz tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni. Ftehim li permezz tiegħu kważi 30 fil-mija tal-esportazzjonijiet ta’ Iżrael li jiswew €15.9 biljun fis-sena jmorru lejn l-Unjoni Ewropea, li hi l-aktar sieħeb kummerċjali importanti tiegħu.

Dan il-ftehim għandu kundizzjoni. Hemm klawsola dwar id-drittijiet tal-bniedem. Klawsola li tobbliga liż-żewġ partijiet biex jirrispettaw id-drittijiet bażiċi tal-bniedem biex it-trattat jibqa’ fis-seħħ. U quddiem dan, u meta tara x’kien qed jiġri f’Gaża f’dawn it-22 xahar u x’kienu qegħdin jgħidu l-għaqdiet umanitarji u anke in-Nazzjonijiet Uniti, il-mistoqsijiet joħorġu waħidhom.

Dak li qed jitwettaq minn Iżrael, fosthom li l-ġuħ jintuża bħala arma ta’ gwerra, it-tindif etniku sistematiku, mhux ksur sfaċċat tad-drittijiet umani? X’qiegħed iżomm milli l-Unjoni Ewropea tieħu l-pass li tissospendi dan il-ftehim u b’hekk toħloq pressjoni fuq Iżrael? Wieħed irid iżomm f’moħħu li biex isseħħ is-sospensjoni hemm bżonn maġġoranza kwalifikata ta’ 15-il stat membru, li jirrappreżentaw mill-inqas 65 fil-mija tal-popolazzjoni tal-Unjoni Ewropea.

Fil-passat kien hemm istanzi fejn ġew sospiżi ftehimiet kummerċjali minħabba ksur tad-drittijiet tal-bniedem qabel. X’qed iżomm milli jittieħed dan il-pass? Għalfejn din l-indifferenza u din il-passività? M’hemm ebda dubju li l-aħjar mod kif tintrebaħ il-gwerra f’Gaża hu billi jintemm dan il-kunflitt. Iżrael ma jistax’ ikun sigur sakemm jibqa’ għaddej îl-kunflitt.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport