Ritratti: ROGER AZZOPARDI
Bħalissa qalb l-għelieqi mferrxin ma’ Malta u Għawdex kollu ma tistax ma jiġbidlekx l-attenzjoni l-makkinarju tal-ippakkjar tal-balal tal-magħlef.
Huwa l-istaġun impenjattiv ta’ min jagħmel dan ix-xogħol kif ukoll għar-raħħala li bħalissa jaħsbu biex jixtru u jaħżnu dan il-prodott li jintuża bħala għalf għall-bhejjem tagħhom għall-kumplament tas-sena.
U filwaqt li r-raħħal jara kif se jagħmel biex jikseb l-ammont ta’ magħlef li jkollu pjanat skont l-ammont ta’ bhejjem u skont d-dieta li jkun se jżomm għal din is-sena li ġejja, il-bidwi jara kif jagħmel biex ibigħ il-prodott tiegħu, ikopri l-ispejjeż u jara x’se jibqagħlu fil-but.
Ir-raħħala tal-baqar tal-ħalib jixtru l-maġġoranza ta’ dan il-magħlef, għalkemm għandek raħħala b’annimali oħra li wkoll jaħżnu biex ikollhom x’jagħlfu u fost dawn insibu dawk bl-irziezet tan-nagħaġ, mogħoż u ż-żwiemel.
Il-fotografu tagħna Roger Azzopardi ġibed parti mill-proċess tal-ippakkjar tal-balal it-tondi, balal li f’dawn iż-żminijiet ikollok persuni li jidħlu fl-għelieqi u jieħdu ritratti magħhom. Intant raħħala oħrajn jippreferu li jixtru l-balal kwadri li fost il-bdiewa jsibuhom bħala l-balal iż-żgħar.






