Monday, April 21, 2025

“L-ippjanar urban u r-riabilitazzjoni ta’ spazji pubbliċi, speċjalment dawk f’nofs komunità, qatt mhu xogħol sempliċi”

... Perit Dr Antoine Zammit minn Studjurban - Interpretazzjoni Ġdida għall-Pjazza Storika tal-Birgu

Aqra wkoll

Fl-10 ta’ April li għadda, il-pjazza prinċipali fil-Birgu – Pjazza tal-Belt Vittoriosa, ġiet uffiċjalment inawgurata wara proġett ta’ riġenerazzjoni estensiv iddisinjat minn Studjurban. 

It-trasformazzjoni ta’ dan l-ispazju pubbliku ta’ 2,100m² kienet iżjed minn sempliċi tiżjin iżda eżerċizzju ta’ tifkira, sensittività urbana, u ġestjoni tal-ispazju b’mod aktar effettiv.

Fil-qalba tad-disinn hemm rispett profond lejn l-istorja tal-Birgu. Il-pjazza, li darba kienet iddominata minn arloġġ li nqered matul it-Tieni Gwerra Dinjija, kienet ilha tbati minn nuqqas ta’ organizzazzjoni, kwistjonijiet ta’ sigurtà, u nuqqas ta’ rabta iżjed mill-qrib mal-komunità.

B’toroq mifruxa, parkeġġ “kaotiku”, u livell tal-art li kien jagħmilha diffiċli speċjalment għal persuni b’diżabbiltà – l-ispazju kien tilef ir-rwol ewlieni tiegħu bħala spazju ċiviku.

Iżda skont Dr Antoine Zammit, fundatur ta’ Studjurban, ir-rigenerazzjoni qatt ma kienet biss dwar ‘sempliċi tisbiħ ta’ spazju mitluq’.

“L-ippjanar urban u r-riabilitazzjoni ta’ spazji pubbliċi, speċjalment dawk li jinsabu f’nofs il-komunità, qatt ma huma xogħol sempliċi,” jispjega l-Perit Zammit.

“Proġetti bħal dawn jitolbu approċċ sensittiv li jibbilanċja l-ispirtu tal-lokalità mal-memorja kollettiva u spiss, man-nostalġija tan-nies li jkunu joqgħodu hemm.”

Din is-sensittività kienet partikolarment kruċjali fil-Pjazza tal-Belt Vittoriosa, fejn il-memorja tal-arloġġ storiku għadha tħalli impatt emozzjonali profond fuq ir-residenti lokali. F’dan il-kuntest, Studjurban applikat il-perimetru tat-torri oriġinali bħala l-element ċentrali fid-disinn tal-pjazza l-ġdida billi ġie mmarkat b’mod ċar b’travertin aħmar rinfurzat b’strixxi tal-bronż imdaħħla flimkien ma’ elementi vertikali rqaq li jissuġġerixxu b’mod sottili l-preżenza ta’ struttura li m’għadhiex teżisti.

“Għalina, kien importanti li nivviżwalizzaw il-memorja tal-arloġġ — mhux billi nerġgħu nibnuh, iżda billi ngħinu sabiex in-nuqqas tiegħu jibqa’ jinħass u jinftiehem,” żied Dr Zammit. “Nittamaw li din in-narrattiva viżiva tgħin biex tinżamm l-identità spazjali ta’ din il-pjazza storika u unika.”

Il-pjazza rriġenerata hija eżempju ta’ ħsieb urban intenzjonat. Id-disinn jinkludi żona pedonali wiesgħa, postijiet għall-mistrieħ b’dell, ftit veġetazzjoni diskreta, u spazji organizzati għall-parkeġġ — kollha ġewwa perimetru kkontrollat minn aċċess limitat għat-traffiku u sistema ta’ triq unika. Dawn l-interventi għandhom itejjbu s-sigurtà għal kull min jimxi fit-triq filwaqt li jżommu l-aċċess essenzjali għar-residenti u t-trasport pubbliku.

Il-proġett inbena wkoll fuq l-esperjenza li Studjurban żviluppat permezz tal-inizjattiva tagħha Slow Streets, proġett li jiffoka fuq ambjenti urbani aktar sikuri, sostenibbli u mmirati lejn il-komunità.

“Din l-esperjenza għenitna nippreżentaw proġett aktar ħolistiku li jwieġeb għall-isfidi uniċi li ppreżentat il-pjazza ewlenija ta’ Birgu,” żied jgħid Zammit.

Madankollu, it-trasformazzjoni hija wkoll immarkata minn interventi aktar kwieti u riflessivi fosthom il-pannelli didattiċi mqiegħda b’mod ħafif madwar il-pjazza li joffru tagħrif storiku dwar l-elementi varji li jiffurmaw l-ispazju.

Mill-istatwa ta’ San Lawrenz u l-monument li jfakkar ir-rebħ ta’ l-Assedju – sat-topografija li għadha tirrifletti l-linji tat-toroq medjevali, il-pjazza issa saret arkivju miftuħ tal-wirt tal-Birgu.

Iżda lil hinn mill-funzjoni tagħha bħala post pubbliku, il-proġett huwa wkoll ġest li jfejjaq — mezz kif jingħataw lura d-dinjità u l-koerenza lil spazju li darba kellu tifsira simbolika u ċivika.

F’ħafna aspetti, din ir-regenerazzjoni terġa’ tqabbad il-pjazza mhux biss mal-passat fiżiku tagħha, imma wkoll mar-rwol soċjali tagħha fil-qalba tal-komunità.

Kif jgħid tajjeb il-perit Antoine Zammit, “Hekk kif permezz tad-disinn, tajna interpretazzjoni ġdida ta’ dan l-ispazju, mhux biss biex intejbu l-funzjonalità tiegħu imma biex inżommu l-memorja tiegħu ħajja.”

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport