Il-President Iranjan Hassan Rouhani illum akkuża lil Iżrael li qed jaġixxu bħala merċenarji għall-Istati Uniti, u qed jakkużah bil-qtil tax-xjentist nukleari prominenti Mohsen Fakhrizadeh.
Intant il-mexxejja kleriċi u militari Iranjani qed jheddu bi tpattija għall-qtil ta’ Fakhrizadeh, li l-midja Iranjana qed jgħidu li miet fi sptar wara li qattiela sparawlu waqt li kien fil-karozza tiegħu viċin il-kapitali Tehran.
“Għal darb’oħra l-idejn krudili tal-arroganza dinjija ċċappsu bid-demm tar-reġim Zionist (Iżrael),” qal Rouhani fi stqarrija.
Fakhrizadeh inqatel waqt li kien qed jivvjaġġa viċin il-belt ta’ Absard fil-kontea ta’ Damavand fil-Lvant ta’ Tehran.
Il-qtil tiegħu taf twassal għal konfront bejn l-Iran u Iżrael fl-aħħar ġimgħat tal-presidenza Amerikana ta’ Donald Trump, filwaqt li tikkumplika l-isforzi tal-President elett Joe Biden biex jerġa’ jqajjem fuq saqajh ftehim nukleari li kien ġie mniedi waqt il-presidenza ta’ Barack Obama.