L-uffiċjal Iranjan responsabbli mill-aġenzija atomika qal li pajjiżu se jaċċetta biss spezzjonijiet li jonoraw il-ftehim li kien sar lura fl-2015 xejn iktar u xejn inqas, dan hekk kif l-Istati Uniti qiegħda tipprova terġa’ tagħti l-ħajja lill-ftehim nukleari li kien milħuq mal-Iran snin ilu.
Mohammad Eslami, li huwa l-kap tal-Organizzazzjoni tal-Enerġija Atomika Iranjana, qal li pajjiżu huwa lest li jaċċetta li jkun hemm spezzjonijiet iżda fuq dak li kien maqbul fil-passat. Din l-istqarrija kkontradixxiet dak li qal uffiċjal għoli tal-Istati Uniti nhar it-Tnejn li għadda hekk kif dan kien qal li l-Iran naqqas xi ftit mir-rikjesti li kien qiegħed jagħmel, fosthom uħud li għandhom x’jaqsmu ma’ spezzjonijiet.
L-Istati Uniti flimkien mal-Unjoni Ewropea qegħdin jaħdmu biex il-ftehim nukleari mal-Iran jerġa’ jingħata l-ħajja u dan wara li kien ġie abbandunat mill-eks President tal-Istati Uniti Donald Trump. Min-naħa tiegħu l-Iran qiegħed jinsisti li dan il-patt nukleari jista’ jerġa’ jingħata l-ħajja biss jekk l-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Atomika (IAEA) tirtira ċertu allegazzjonijiet li kienet għamlet. Dwar dan, kemm Washington u anke l-qawwiet tal-Punent qalu li t-talbiet tal-Iran m’għandhom x’jaqsmu xejn mat-tentattivi biex dan il-ftehim jerġa’ jingħata l-ħajja.
Il-kwistjoni tal-IAEA kienet qamet wara li f’reżoluzzjoni mressqa mill-Istati Uniti, Franza, l-Ingilterra u l-Ġermanja, l-Iran ġie kkritikat li naqas milli jispjega kif traċċi tal-uranju nstabu fi tliet siti oħra li qatt ma ġew dikjarati. L-Iran kien qal li dawn it-traċċi kienu xogħol persuni li għandhom aġenda kontra l-Iran u anke kien tefa’ l-ħtija fuq Iżrael.