Proprju ġimgħa ilu rajna l-Istati Uniti u l-Iżrael jattakkaw l-Iran. Attakk li fetaħ kunflitt fil-Lvant Nofsani. L-attakk ma ġiex għax l-Iran attakk x’imkien. Kien attakk li twettaq għax l-Istati Uniti u Iżrael, iridu jilħqu u għan partikolari. Dan hu dak li jitwaqqa’ ir-reġim Iranjan. Dan għax b’dan il-mod, l-influwenza Iżraeljana fir-reġjun tissaħħaħ u tonqos it-theddida għas-sigurtà.
L-Iran ma qgħadx lura u rritalja għall-attakki. Kienet ritaljazzjoni qawwija u mistennija. Attakki lil Iżrael b’xita ta’ missili ballistiċi. Attakka ukoll pajjiżi oħra li fihom hemm bażijiet tal-Istati Uniti foshom l-Emirati Għarab Magħquda li hu l-aktar pajjiż li fuqu twettqu attakki fosthom fuq l-ajruport li wassal biex is-servizz bl-ajru jieqaf b’danni kbar għall-istess pajjiż.
Rajna jiġu attakkati ambaxxati tal-Istati Uniti. L-attakki Iranjani apparti l-Emirati twettaq ukoll fuq il-Kuwajt, il-Bahrain, il-Qatar, il-Ġordan, l-Għarabja Sawdija u l-Oman. L-attakki Iranjani, apparti missili qawwija u veloċi, li kien diffiċli li jiġu interċettati, rajnieh juża drones, li bihom laqtu l-miri tagħhom.
L-użu ta’ dawn id-drones u kif bdew għaddejjin mingħajr ma jiġu interċettati, qajjem tħassib dwar is-sigurtà fl-ajru ta’ dawn il-pajjiżi u anke is-sigurtà fl-istess bażijiet Amerikani, li xi wħud minnhom intlaqtu b’mod qawwi.
Il-mistoqsija kruċjali hi: kemm l-Iran hu kapaċi jżomm l-intensità ta’ dawn l-attakki
Jekk nanalizzaw x’ġara f’din l-ewwel ġimgħa, naraw li wara l-attakki qawwija tal-Iran fl-ewwel siegħat, kien hemm tnaqqis fl-intensità. Għaliex seħħ dan mhux magħruf. Biss wieħed jista’ jgħid li wara li l-Iran issorprenda bl-attakki qawwijin, anki kif il-missili laqtu lil Iżrael minkejja s-sistema ta’ interċettazzjoni bil-missili, fil-jiem ta’ wara rajna tnaqqis fil-missili li bdew jiġu sparati mill-Iran.
It-tnaqqis kien sostanzjali. Hu kkalkulat filfatt li l-isparar ta’ missili Iranjani naqsu b’madwar 80 fil-mija. L-attakki bid-drones naqsu ukoll b’ammont sostanzjali, għalkemm hu fatt li l-attakki bi drones dehru li affettwaw sew il-pjani tal-Istati Uniti, għax ma kienux ippreparati għalihom.
Jidher li hu fatt li l-attakki qawwija li saru fl-aħħar jiem mill-Istati Uniti u minn Iżrael, affettwaw il-kapaċità tal-Iran biex jispara l-missili. Hu kkalkulat li f’temp ta’ ftit sigħat, dawn attakkaw aktar minn 2,000 mira Iranjana u dan sa issa jidher li wassal biex tnaqqset il-kapaċità tal-Iran li jniedi missili ballistiċi u drones.
Superjorità fl-ajru
Minn dan il-kunflitt, dehret mill-ewwel is-superjorità fl-ajru, kemm tal-Qawwa tal-Ajru Iżraeljana u anke dik tal-Istati Uniti. Fil-fatt fin-nofsinhar tal-Iran saru attakki qawwija, fejn hawn ħarġet ċar is-superjorità fl-ajru, li dgħajfet bil-kbir il-kapaċitajiet tal-missili ballistiċi tal-Iran u l-kapaċitajiet integrati tad-difiża tal-ajru fin-nofsinhar tal-Iran.
F’dan il-kunflitt rajna l-USS Gerald R Ford u l-Grupp ta’ Attakk tal-USS Abraham Lincoln jagħmlu l-pressjoni tagħha fuq l-Iran bil-kordinament tal-attakki. F’dawn l-aħħar jiem, il-Qawwa Navali Iranjani ġarrbet attakki qawwijin u tilfet 20 bastiment.
Kollox jindika li din il-gwerra li kellha ddum ftit jiem se ddum aktar u għalkemm, proprju fl-ewwel jum inqatel il-Mexxej Suprem u l-ħsieb kien li wara ir-Reġim Iranjan jisfaxxa, ġara li dan ma seħħx. Ix-xquq li kienu jistennew l-Istati Uniti u Iżrael ma seħħewx. Minflok kien hemm attakki qawwijin mill-Iran b’missili u drones, mhux biss lejn Izrael imma anke lejn bażijiet Amerikani f’pajjiżi ġirien.
U quddiem il-fatt li ma’ seħħewx il-protesti mistennija mill-poplu Iranjan kif sar magħruf li nqatel il-Mexxej Suprem u quddiem l-attakki qawwijin mill-Iran, l-istrateġija militari tal-Istati Uniti iffukat fuq li telimina is-sistemi tal-missili ballistiċi tal-Iran biex jipprevjenuhom milli jheddu lill-Istati Uniti u l-interessi tagħha fir-reġjun. Jidher li mira oħra oħra kienet li jeqirdu l-Qawwa Navali Iranjana.
Lil hinn minn dan…mhux faċli li l-Istati Uniti tilħaq il-mira… sa issa Trump jidher li qed jitlef fl-għan tiegħu
Minkejja l-istrateġiji militari, biex wieħed janalizza dan il-kunflitt, wieħed jara l-għan ta’ dawn l-attakki u jekk hux se jintlaħaq. L-għan ta’ dan l-attakk, ħabta u sabta u bla approvazzjoni anke mill-Kungress Amerikan u minn Nazzjonijiet Uniti, kien li jitneħħa ir-Reġim Iranjan. Filfatt il-Mexxej Suprem inqatel ma’ l-ewwel attakk, imma minkejja dan ma intwera l-ebda sinjal li r-Reġim kien se jitwaqqa’ jew jisfaxxa.
Hu ċar anki fejn ġie attakkat proprju fl-ewwel attakki, li l-Istati Uniti kienet qiegħda timxi fuq it-teorija li meta jassassinaw lill-Mexxej Suprem, ir-reġim kien se jisfaxxa. Ħasbu li s-sistema kienet se tiġġarraf kompletament. Ir-raġunament kien li l-qtil tiegħu kien se jwassal biex membri tal-Korp tal-Gwardja Rivoluzzjonarja Iżlamika jaħarbu jew li jitwettaq u xi tip ta’ kolp ta’ stat. Stennew ukoll protesti mill-Iranjani, liema protesti rajnihom b’mod qawwi ġimgħat ilu. Minkejja dak li ġara, sa issa jidher li m’hemm l-ebda xquq apparenti fir-reġim.
Dan, flimkien mal-atti qawwijin tal-bidu bidlu anke iż-żmien ta’ kemm se ddum din il-gwerra. Hu fatt li ppjanaw gwerra qasira. Din hi xejra f’din l-amministrazzjoni ta’ Trump. Kunflitt qasir biex imbagħad jimbotta li saret rebħa. Kienu semmew kunflitt ta’ erbat ijiem, iżda wara ftit jiem beda jissemma’ kunflitt ta’ erba’ ġimgħat u anki sitta. M’hemm ebda dubju li kunflitt daqshekk fit-tul jidher ċar li mhux dak li l-Istati Uniti kellhom f’moħħhom oriġinarjament.
L-attakk fuq l-Iran wera li l-Istati Uniti ipprovat timxi fuq l-istess mudell ta’ dak li wettqet fil-Veneżwela. Hawn tidher kemm l-Istati Uniti kkalkulat ħażin. Waqt li fil-Veneżwela l-għan kien intlaħaq b’attakk qasir, fl-Iran minkejja l-qtil tal-mexxej suprem, l-għan li jaqa’ r-reġim ma’ intlaħaqx. Laħħqu mexxej ieħor b’mod immedjat. L-Iran wera ukoll li “mhux se jabbanduna l-armament tal-missili tiegħu, u lanqas se jiċħad dak li jiddefinixxi bħala d-dritt tiegħu li jarrikkixxi l-uranju.” L-unika triq għal rebħa ċara hija bidla fir-reġim, u jgħid li “mhux ċar li Washington hija lesta li tinvesti r-riżorsi u l-impenn fit-tul li tali riżultat ikun jeħtieġ.”
Hu ċar li kwalunkwe mexxej li joħroġ minn ġewwa s-sistema tar-Reġim Iranjan se jkun mexxej marbut bl-istess prinċipji ewlenin u linji ħomor strateġiċi. Jekk iċedi għal dak li trid l-Istati Uniti ikun ifisser il-kollass tal-pedament ideoloġiku stess tar-Repubblika Iżlamika.
U l-Iran jaf li għandu vantaġġ. Dan hu l-art Iranjana u ż-żmien. Ir-Reġim Iranjan jaf li biex jitwaqqa’ trid issir invażjoni jew li jqum il-poplu kontrieh. Jaf ukoll li kunflitt fuq țul ta’ żmien tal-kunflitt dan hu ta’ żvantaġġ għall-Istati Uniti għax dawn ma jridux kunflitt għat-tul. Quddiem dan hu previst, li r-Reġim Iranjan se jkompli jiġġieled.
Jaf li warajh għad għandu sezzjoni qawwija tal-poplu Iranjan. Fuq kollox wieħed irid jgħid li l-istorja turina li meta jkun hemnm attakki minn forzi barranin fuq pajjiż spiss jiġbru l-appoġġ u jipprovokaw rispons nazzjonalista.
U f’dawn is-sitwazzjonijiet, meta nazzjon ikun taħt attakk, isir ħafna aktar faċli li d-dissens jitqies bħala kompliċi mal-forzi li jkunu qegħdin jattakkaw. M’hemmx dubju li din hi waħda mir-raġunijiet ewlenin għax il-bumbardamenti mill-ajru qatt ma wasslu għal bidla fir-reġim.
Naqsu l-attakki Iranjani biex jittawwal iż-żmien tal-kunflitt?
U l-kwistjoni tad-dewmien fil-kunflitt u l-iżvantaġġ li din toffri għall-Istati Uniti – li trid kunflitt qasir, jista’ li qed iwassal biex l-Iran inaqqas l-attakki u b’hekk isaħħaħ il-kapaċità tiegħu li jtawwal il-kunflitt. Mhux ċar jekk l-Iran hux qed iżomm lura l-missili sabiex l-operazzjonijiet tiegħu jkunu jistgħu jdumu aktar, għalkemm din hi possibilità.
Hemm ukoll fattur ieħor u dan hu dak li l-Iran bl-attakki fi drones, qiegħed juża sistema li hi ferm irħas biex jattakki lill-pajjiżi ġirien. Id-drones jiswew ferm u ferm inqas mill-missili Patriots.
Il-kwistjoni taż-żejt…fattur ieħor
kontra Trump u l-Istati Uniti
Hemm fattur ieħor li forsi ftit qiegħed jingħata attenzjoni u dan hu dak li r-reġjun hu importantissimu għall-produzzjoni u t-trasport taż-żejt. Qiegħed jitqies bħala li s-seiwq tal-enerġija jistgħu iġiegħlu lil Trump itemm il-gwerra tiegħu fi żmien qasir.
Dan qiegħed jiġi indikat għax jidher li hemm problemi fir-riżerva strateġika tal-petroleum tal-Istati Uniti, li hemm min qiegħed jgħid li qed toqrob lejn l-aktar livelli baxxi tagħha. Din hi inidkazzjoni oħra li turi li l-Istati Uniti ipprevediet kunflitt qasir ta’ ftit jiem.
Ma’ dan hemm l-Istrett ta’ Hormuz li minnu jgħaddu ammont kbir ta’ bastimenti. L-Iran jiddikjara li għandu kontroll sħiħ tal-istrett. Jhedded li kien se jattakka kwalunkwe vapur li jgħaddi. Ovvjament din se taffettwa l-provvisti taż-żejt, li mal-bidu tal-kunflitt rajna l-prezz tiegħu jogħla ‘lfuq.
Il-previżjonijiet ta’ x’jista’ jiġri kollox jiddependi minn kemm se jdum il-kunflitt. Bl-Istess ta’ Hormuz magħluq, dan il-kunflitt qiegħed jhedded li jikkawża l-akbar kriżi tal-provvista taż-żejt ta’ żmienna.
Żidiet fir-rati tal-imgħax?…..dawn jikkawżaw
taqlib ekonomiku
U dan il-kunflitt, wassal mhux biss jogħlew il-prezzijiet tal-enerġija imma hemm pressjoni kbar fuq l-ekonomija. Iż-żieda fil-prezz taż-żejt qed toħloq it-theddida li jogħlew il-prezzijiet tat-trasport u li dań ifisser li togħla l-merkanzija u għalhekk il-prodotti li aħna nikkonsmaw ta’ kuljum. Hekk kif il-kunflitt jibqa’ għaddej, diversi ekonomisti qegħdin iwissu dwar żidiet fir-rati tal-imgħax, li jikkawżaw aktar taqlib ekonomiku.
Attakk illegali….servizzi ta’ intelligenza iqisu l-attakki bħala ‘diżastru’
Waqt li m’hemm l-ebda dubju li din il-kunflitt mibdi minn Iżrael u l-Istati Uniti hu illegali. Hu każ ieħor fejn il-liġi internazzjonali intremiet fil-landa tal-iskart. Wieħed li spikka kien il-Prim Ministru Spanjol Pedro Sanchez, li ħareġ qatta bla ħabel kontra dan il-kunflitt.
Il-President Franċiż Emmanuel Macron jgħid li l-attakki twettqu barra mil-liġi internazzjonali u l-gvern immixxi minnu ma jistax japprovahom.
Il-Prim Ministru Ingliż, Starmer għalkemm involva lill-Gran Brittanja f’din il-gwerra billi offra bażijiet Brittaniċi, iddikjara li “dak li ma kontx lest li nagħmel kien li r-Renju Unit jingħaqad ma’ gwerra sakemm ma kontx sodisfatt li kien hemm bażi legali u pjan vijabbli u maħsub sew. Dik tibqa’ l-pożizzjoni tiegħi.”
Minn naħa tiegħu, l-Prim Ministru Kanadiż Mark Carney, li fil-bidu ta’ appoġġ lil dan il-kunflitt, wara iddikjara li l-attakki kienu “inkonsistenti mal-liġi internazzjonali”. Iddikjara li “l-kunflitt attwali huwa eżempju ieħor tal-falliment tal-ordni internazzjonali.”
U ara naħsbu li dawn id-dikjarazzjonijiet saru fl-arja. M’hemmx dubju li dawn id-dikjarazzjonijiet saru għax is-servizzi sigrieti ta’ dawn il-pajjiżi indikaw li jemmnu li dan il-kunflitt hu diżastruż. M’hemmx dubju li dak li qalu dawn il-mexxejja hu bbażat fuq dak li s-servizzi militari u tal-intelliġenza tagħhom irrappurtawlhom.”
Tgħid l-Istati Uniti se jużaw xi forċina?
U allura tqum il-mistoqsija, li la l-Istati Uniti ma trid kunflitt li jtul, x’se jiġri? Se jsibu xi forċina, biex huma jidħlu f’dan il-kunflitt. Tgħid se jużaw il-Kurdi? Tgħid se jippruvaw joħolqu u jgħinu forzi oħra biex l-Iran jinqasam u jiddgħajjef?
M’hemmx dubju li Iżrael, irid li l-Iran li jinqasam. Jekk isir hekk dan ikun ifisser li jiddgħajjef b’mod sinifikanti il-poter tal-Iran fir-reġjun.
Għadu kmieni biex wieħed jgħid x’se jiġri iżda żgur li s-sitwazzjoni tiċċara aktar ma jittawwal dan il-kunflitt.



