Fil-ħajja ħafna jaraw biss il-perspettiva tagħhom u ftit huma kapaċi jqisu u jixtarru ħsibijiet u sitwazzjonijiet ta’ ħaddieħor. L-empatija saret kwalità rari però bil-wisq inqas l-elementi t’irġulija u ġentlomerija.
Tiskanta tisma individwi li jfajru biss kliem li jiddiskrivi biss lilhom infushom u qatt ma jieqfu janalizzaw kif bi kliemhom u għemilhom jistgħu jikkontribwixxu ta’ ġid għal kawża rispettiva.
Każ ċar huwa diskors dispreġjattiv lejn politiċi li mhux biss qatt ma ddejqu jikkontribwixxu għas-soċjetà tagħna imma fuq kollox ma ddejqux joħduha kontra l-kurrent biex dak li jemmnu fi sħiħ jkunu sodi dwaru. Sfortunatament għad għandna mentalità li minflok wieħed jixtarr u jifforma opinjoni, jitkellem biss x’jisma.
Ħafna huma dawk li għadhom ilissnu x’jitwassal lilhom mill-kmamar tal-aħbarijiet mingħajr ma jgħarfu li kull wieħed għandu aġenda. L-integrità u l-irġulija hu kejl li ħafna drabi l-midja ma xxandarx jekk mhemmx sensazzjoni fl-aħbar. Filfatt jagħmlu l-aħbarijiet aktar min jgħajjar jew jattakka milli min jgħin, jgħader jew iħenn. Riżultat ta’ dan jagħmlu iktar ħoss il-kritika distruttiva u min jitpastaż.
Din il-ġimgħa rajna lill-President Tar-Repubblika jagħmel stqarrijiet li jġibu fid-dawl l-aspett uman qabel l-istatura politika tiegħu. Hu fatt li ħafna jirrikorru għal metodi ta’ bullying, laqmijiet dispreġjattivi u assassinju tal-karattru meta jkollhom aġenda mibnija fuq għira u nieqsa minn sugu.
L- Eċċellenza Tiegħu ma weriex dgħjufija meta aċċenna għal dan it-tip ta tgħajjir lejh u familtu. Iżda ta lezzjoni lil min ma jaħsibx qabel iwaddab il-ġebel. Il-karattru tal-President George Vella ma ffurmax meta laħaq President iżda kull min xi mod mess miegħu jagħraf il-kobor tal-aktar persuna prominenti tal-istat Malti.
Mill-ġdid tisma tiżwieqa t’aġġettivi li jiddiskrivuh… Ma kull spjegazzjoni jkollok ukoll tifsira tal-karattru u l-istoffa ta’ min qed jiddiskrivih. Min japprezzah għax ma kienx iżommlu flus bħala tabib. Min jimbuttah għax kien skjett fit-tweġibiet tiegħu. Min jgħidlu żorr għax kien iċanfar fejn ma jaqbilx jew ma jidħakx għal xi ċajta vojta u min jgħid kemm hu dħuli għax minkejja l-għerf tiegħu kien jagħraf jispjega b’sempliċita għal ġid ta’ dak li jkun.
George Vella, iż-Żejtuni, il-mediku, il-politiku; għaraf dejjem li jkun sinċier f’għemilu, prattiku lejn il-verità u fin anke quddiem it-tbatijiet. Sfidi kellu kemm trid f’ħajtu. Kemm fil-professjoni tiegħu, ruxxmata politiċi fejn beda ma’ ġganti u ħaqqaqha magħhom kemm fid-distrett u anke fuq livell intern kif ukoll ta’ saħħa.
Il-kobor tiegħu dejjem waslu jirbaħ għaliex f’dak li jagħmel dejjem żamm il-prinċipju t’irġulija, miegħu innifsu, mal-kostitwenti u mal-pazjent. Kwalità li mhux ta’ kemm tgħid tħaddanha.
L-irġulija a prima face ma tissarrafx f’popolarita u taf turta lil xi wħud u anke twasslek għal xi tgħajjira. Però maż-żmien in-nies tagħraf dik il-kwalità li fil-ħajja m’hemmx isbaħ minnha… U anke jekk ikollok min ma jgħarafhiex m’għandek qatt tnaqqas mill-irġulija tiegħek.
Jean Claude Micallef MP | 3 distrett