Saturday, December 28, 2024

L-irħula Maltin ħerqana biex jerġgħu jilbsu l-libsa tal-festa

Aqra wkoll

Ritratt – ROGER AZZOPARDI

Wara stennija ta’ sentejn, lbieraħ, l-Għaqda Nazzjonali tal-Każini tal-Banda, ħabbret li minn April li ġej, ġaladarba, l-pandemija COVID-19, f’pajjiżna, tibqa’ stabbli, il-festi tradizzjonali Maltin se jkunu qegħdin jirritornaw għan-normalitá.

Din id-deċiżjoni ttieħdet wara laqgħa kordjali li saret ilbieraħ bejn il-Prim Ministru Robert Abela, id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne u l-Profs. Charmaine Gauci, flimkien ma’ rappreżentanza mill-Kurja tal-Arċisqof u l-Għaqda Nazzjonali Każini tal-Banda.

Intant, appena ġriet l-aħbar li l-festi se jirritornaw għall-glorja tradizzjonali tagħhom, kienu l-eluf ta’ dilettanti li fuq is-sit soċjali ta’ Facebook esprimew is-sodisfazzjoni tagħhom għal din id-deċiżjoni.

L-għatx, iżda fl-istess ħin il-ħeġġa, li l-ibliet u l-irħula Maltin, għal ġimgħa waħda f’sena kalendarja, jerġgħu jilbsu l-libsa tal-festa kienu jinħassu. Tant, li l-maġġoranza tal-għaqdiet tal-armar u għaqdiet tal-banda baqgħu għaddejjin bix-xogħol tagħhom fis-skiet tal-imħażen u l-każini rispettivi tagħhom. Bil-ħsieb f’moħħhom, li l-ġurnata li l-belt jew raħal tagħhom jerġa’ jkun armat sa snienu terġa’ tasal.

Huwa ta’ sodisfazzjon li tara din il-ħeġġa u dinamiċitá fost id-dilettanti tal-festi. Hekk kif dan jawgura tajjeb għall-futur tal-festi Maltin u Għawdxin, tradizzjoni mnaqqxa fil-folklor u fl-identitá ta’ pajjiżna.

Il-poplu Malti u Għawdxi jħares ‘il quddiem biex il-lokalitajiet jerġgħu verament ikunu armati bil-“bandalori kollha lwien”, biż-żagħżagħ ikantaw l-innijiet bil-“ferħ u briju kullimkien” u bit-tfal waqt il-marċ ta’ filgħodu jilagħbu bil-“karti żgħar ma’ kullimkien.”

Ekonomija

Sport