Il-pandemija tal-Covid-19, anke bl-interventi tal-Gvern, nistgħu ngħidu li issa tinsab warajna u dan huwa rifless fl-irkupru b’saħħtu f’diversi setturi tal-ekonomija. Wieħed minn dawn is-setturi huwa l-qasam tal-ivvjaġġar fejn l-ajruport internazzjonali ta’ Malta rreġistra qabża fl-għadd ta’ passiġġieri aktar minn qabel il-pandemija.
Fil-fatt fl-ewwel tliet xhur tas-sena l-ajruport laqa’ mal-1.25 miljun passiġġier. Fix-xahar ta’ Marzu, l-għadd ta’ passiġġieri li għaddew mill-ajruport kien kważi nofs miljun, li jfisser żieda ta’ 2% fuq il-figuri ta’ qabel faqqgħet il-pandemija. Din iż-żieda fil-movimenti tal-passiġġieri kienet riżultat ta’ domanda għall-ivvjaġġar li kompliet tiżdied u kien rifless ukoll f’seat load factor b’saħħtu fl-aħħar xhur.
Dan l-iżvilupp isegwi r-riżultati pożittivi li qed tikseb Malta fl-ekonomija, kif ikkonfermati minn aġenziji ta’ kreditu internazzjonali u anke l-Fond Monetarju Internazzjonali, li lkoll ikkonkludew li Malta se jerġa’ jkollha tkabbir ekonomiku qawwi. Fl-istess waqt li baqgħu jsostnu livell ekonomiku stabbli ta’ A+.
Ir-riżultati pożittivi għall-ekonomija Maltija qed joħorġu anke minkejja l-isfidi tal-inflazzjoni u l-gwerra fl-Ukrajna fejn pajjiżna għadu jirreġistra l-inqas rata storika ta’ qgħad fost il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea.
L-ekonomija b’saħħitha twassal biex in-nies ikollhom aktar flus fil-but u b’hekk jikkonsmaw aktar u jkomplu jħaddmu l-mutur ekonomiku. B’dan it-tkabbir ekonomiku, setturi aktar vulnerabbli fis-soċjetà jkunu jistgħu jiġu megħjuna aktar u aħjar mis-snin ta’ qabel.
Minbarra l-irkupru fil-qasam ekonomiku, ninnutaw ukoll b’sodisfazzjon kif is-sena li għaddiet kienet waħda pożittiva ferm għan-negozji żgħar u medji f’pajjiżna, li wkoll kellhom jaffaċċjaw diversi sfidi minħabba l-pandemija.
Jidher għalhekk li d-deċiżjonijiet meħuda f’dan iż-żmien u anke wara li bdiet il-gwerra fl-Ukrajna, qed iħallu riżultati tant li dawk li qed ifittxu fejn se jibbażaw in-negozju tagħhom, qed jaraw l-ekonomija b’saħħitha ta’ Malta u li se jsibu Gvern li dejjem lest li jgħinhom speċjalment f’mumenti ta’ diffikultà.
Fil-kuntest ta’ dan kollu, huwa opportun li nsaħħu dawn ir-riżultati biex il-poplu jkollu ħajja aktar diċenti u livell ta’ għajxien aħjar.