Thursday, August 14, 2025

L-IRVELL TAS-SOKEHS FL-1910

Minn Alfred Consiglio

Aqra wkoll

L-Irvell tas-Sokehs kien rewwixta tal-poplu Sokehs kontra l-ħakma Ġermaniża li beda fuq il-gżira ta’ Sokehs, waħda mill-Gżejjer Caroline.

Il-pussess tal-art fuq il-gżira ta’ Pohnpei, il-gżira ewlenija tal-Gżejjer, kien id-dominju esklussiv tal-kapijiet tribali li kienu jassenjaw biċċiet ta’ art lis-sudditi tribali bħala qbiela.   Fis-sena 1907 l-amministrazzjoni kolonjali Ġermaniża bdiet riforma tal-art u nħtieġ li sidien ġodda jaħdmu 15-il ġurnata xogħol fis-sena għal xogħlijiet pubbliċi minflok iħallsu taxxa.

Fis-17 ta’ Ottubru 1910 grupp ta’ Sokehs kienu assenjati fuq xogħol fit-toroq fuq il-gżira Sokehs.  Żgħażugħ minnhom irrifjuta li jobdi l-ordnijiet tas-sorveljant u ġie msawwat bi frosta għat-trasgressjoni tiegħu.  Dak il-lejl stess, Samuel, kap ta’ rank anqas, ipperswada lill-grupp biex jirrifjutaw aktar xogħol.  L-għada, 18 ta’ Ottubru 1910, il-grupp hedded liż-żewġ sorveljanti Ġermaniżi, Otto Hollborn u Johann Häfner, li ħarbu lejn il-missjoni tal-Kapuċċini fuq il-gżira.

 Il-Kummissarju Distrettwali, Gustav Boeder, kien infurmat bl-inċident u flimkien mal-assistent tiegħu, Rudolf Brauckmann, mar fil-gżira biex “jirraġuna” mal-ħaddiema.  Hekk kif waslu, Boeder kien maqtul b’tir ta’ azzarin, u wara nqatlu Brauckmann, Häfner, Hollborn u ħames qaddiefa.  Wara li l-aħbar tal-massakru wasal f’Kolonia, Max Girschner, it-tabib tal-kolonja, ġabar flimkien 600 ġellied biex irażżan lir-ribelli.

Fis-26 ta’ Novembru 1910 li steamer Germania wasal fil-kolonja.  Il-Gvernatur Albert Hahl (1868-1945) f’Rabaul bagħat il-gunboat Cormoran u l-vapur Planet b’163 pulizija.  Il-vapuri waslu f’nofs Diċembru 1910.  Il-cruiser Emden salpat lejn il-gżejjer u waslet f’Pohnpei fl-10 ta’ Jannar 1911.  Il-kaptan tal-Emden, Waldemar Villerthun ordna l-ħbit fuq ir-ribelli, u dawn ħarbu lejn post aktar sigur.

 Fit-13 ta’ Frar 1911 Samuel u ħamsa minn sħabu ċedew.  Immedjatament wara 36 ribell għaddew ġuri; il-qorti kkundannat 17 bil-qtil ta’ 4 uffiċjali Ġermaniżi u 5 barklori; 12 irċevew sentenzi ta’ ħabs b’xogħol iebes, u 7 inħelsu.  Fl-24 ta’ Frar 1911 15-ir ribell, fosthom Samuel, kienu ffuċillati.

Il-gvern kolonjali eżilja lis-Sokehs lejn Babelthuap fil-gżejjer Palau.  Meta l-Ġappun okkupa l-gżejjer, l-amministrazzjoni bdiet ritorn limitat tas-Sokehs.

Fl-aħħar tas-snin 1980ijiet, wara l-indipendenza tal-Istati ta’ Micronesia, Samuel tqies bħala eroj nazzjonali.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport