Tuesday, October 7, 2025

L-IRWOL TAL-ĠENITURI FIL-VJAĠĠ EDUKATTIV TA’ WLIEDHOM

Aqra wkoll

Fis-snin li għaddew, il-Gvern kompla jinvesti fil-qasam tal-edukazzjoni, b’mod partikolari f’dik li hija infrastruttura biil-bini ta’ skejjel ġodda u anek rinovar ta’ bosta skejjel. Dan kollu sabiex l-istudenti jkollhom esperjenza edukattiva mill-aqwa. 

Il-Gvern investa wkoll b’mod sostanzjali fl-edukaturi anke permezz ta’ ftehim kollettiv ġdid. Rwol ieħor kruċjali f’dan il-vjaġġ edukattiv li jgħaddu minnu l-istudenti, huma l-ġenituri. Daqskemm hu essenzjali li l-għalliema joffru esperjenza edukattiva ta’ kwalità lill-istudenti tagħhom, hekk ukoll huwa essenzjali li l-ġenituri jieħdu interess fl-edukazzjoni ta’ wliedhom. 

Studji li jsiru minn żmien għal żmien f’diversi pajjiżi madwar id-dinja dwar l-iżvilupp u t-titjib fis-sistema edukattiva, inkluż f’pajjiżna, jindikaw diversi fatturi li jistgħu jwasslu għal titjib f’dan il-qasam. Madankollu kulħadd jaqbel li wieħed mill-fatturi ewlenin li jwassal għal dan kollu huwa l-kollaborazzjoni u l-komunikazzjoni kontinwa bejn l-imsieħba kollha f’dan il-qasam. Nemmnu li dan l-interess għandu jkun f’kull livell.

Il-ġenituri, bl-esperjenza tagħhom, kapaċi wkoll ikunu strument ta’ tagħlim fil-­klassi, strument ta’ titjib fl-esperjenza edukattiva ta’ wliedna. Hu essenzjali wkoll li l-iskejjel jagħmlu anki użu tajjeb tal-kunsilli skolastiċi fi ħdanhom, jippromwovu dawn il-kunsilli u jħeġġu lill-ġenituri biex jimpenjaw ruħhom fil-ħidma tagħhom. 

Fl-isfond ta’ dan kollu, nemmnu li diġà sar ħafna xogħol u qegħdin jittieħdu aktar passi f’din id-direzzjoni anke permezz tat-tnedija tal-Istrateġija Nazzjonali għall-Edukazzjoni li hija msejsa fuq tliet pilastri ewlenin li huma l-benesseri, it-tkabbir u l-emanċipazzjoni u l-ekwità u l-inklużjoni.

Dan kollu qed ngħiduh għax f’dan il-qasam l-ebda politika u inizjattiva ma tista’ tkun suċċess jekk ma jkollokx lill-edukaturi, il-ġenituri u l-istess studenti qegħdin jaħdmu flimkien għal għan wieħed: dak li naraw li kull tifel u tifla jkollu esperjenza edukattiva pożittiva.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport