Thursday, December 26, 2024

L-IRWOL TAL-MARA FIS-SOĊJETÀ

Aqra wkoll

Ta’ kull sena, fit-8 ta’ Marzu, id-dinja kollha tiċċelebra Jum il-Mara. Jum li fih infakkru l-kisbiet li rnexxielha tikseb il-mara tul is-snin, inkluż dawk soċjali, ekonomiċi, kulturali u anke politiċi. Iżda mhux biss. F’dan il-jum inħarsu wkoll lejn kwistjonijiet li għadhom qed jolqtu lin-nisa li għadhom mhux solvuti speċjalment f’dak li jirrigwardja l-ugwaljanza bejn is-sessi.

Illum saru ħafna passi ‘l quddiem tant li l-mentalità li kienet teżisti li l-mara kienet titqies biss bħala dik il-persuna li tieħu ħsieb id-dar, tnaddaf u ssajjar, issa naqset ħafna. L-irwol tal-mara fis-soċjetà qed ikun aktar apprezzat u dan grazzi għad-diversi inċentivi li ttieħdu li permezz tagħhom, in-nisa qed isibu aktar posthom fid-dinja tax-xogħol.

Nemmnu li l-mara għandha rwol importanti u sinjifikanti fis-soċjetà u bl-ebda mod mhi inferjuri għar-raġel. Il-mara hi responsabbli u kapaċi tieħu deċiżjonijiet daqs raġel. Il-mara ħadet l-edukazzjoni li tixirqilha, saret indipendenti, bniet karriera u llum il-ġurnata għandna nisa li qed jokkupaw gradi għolja fis-soċjetà li qabel kienu assoċjati biss mal-irġiel.

Mil-lat politiku, ninnotaw li ttieħdu diversi miżuri sabiex ikun hemm iżjed rappreżentanza femminili fil-Parlament. Dan huwa rifless ukoll mill-ammont ta’ kandidati nisa, uħud minnhom uċuh ġodda, li resqu ‘l quddiem biex jikkontestaw l-elezzjoni ġenerali tas-26 ta’ Marzu li ġej. 

Min-naħa l-oħra, pjaga li għadhom iħabbtu wiċċhom magħha n-nisa hi dik tal-vjolenza domestika. Stħarriġ riċenti tal-Ewrobarometru sab li erbgħa minn kull ħames nisa Maltin jaħsbu li b’effett tal-pandemija tal-Covid-19 żdiedet il-vjolenza fiżika u emozzjonali kontra n-nisa. Hawn ta’ min isemmi li f’temp ta’ xahrejn, matul din is-sena, diġà kellna żewġ delitti fejn it-tnejn li huma kienu nisa.

Minkejja li sar ħafna progress biex il-mara tkun tista’ tkompli miexja ‘l quddiem u tkun rikonoxxuta fis-soċjetà, nemmnu li għad fadal ħafna xi jsir. Għandu jsir kull sforz biex is-sehem tan-nisa jew il-kontribut tagħhom fis-soċjetà jingħata aktar importanza u għarfien. 

Ekonomija

Sport