Ta’ kull sena, fit-8 ta’ Marzu, id-dinja kollha tiċċelebra Jum il-Mara. Jum li fih infakkru l-kisbiet li rnexxielha tikseb il-mara tul is-snin, inkluż dawk soċjali, ekonomiċi, kulturali u anke politiċi. Iżda mhux biss. F’dan il-jum inħarsu wkoll lejn kwistjonijiet li għadhom qed jolqtu lin-nisa li għadhom mhux solvuti speċjalment f’dak li jirrigwardja l-ugwaljanza bejn is-sessi.
Naqblu li llum saru ħafna passi ‘l quddiem tant li l-mentalità li kienet teżisti li l-mara kienet titqies biss bħala dik il-persuna li tieħu ħsieb id-dar, tnaddaf u ssajjar, issa naqset ħafna.
Issa l-irwol tal-mara fis-soċjetà qed ikun ħafna aktar apprezzat. Dan kollu qed isir grazzi għad-diversi inċentivi li ttieħdu li permezz tagħhom, in-nisa qed isibu aktar posthom fid-dinja tax-xogħol.
Nemmnu li l-mara għandha rwol importanti u sinjifikanti fis-soċjetà u bl-ebda mod mhi inferjuri għar-raġel. Il-mara hi responsabbli u kapaċi tieħu deċiżjonijiet daqs raġel. Il-mara ħadet l-edukazzjoni li tixirqilha, saret indipendenti, bniet karriera. Illum il-ġurnata għandna nisa li qed jokkupaw gradi għolja fis-soċjetà li qabel kienu assoċjati biss mal-irġiel.
Minn aspett politiku, ninnutaw li ttieħdu diversi miżuri sabiex ikun hemm iżjed rappreżentanza femminili fil-Parlament. Dan huwa rifless ukoll mill-ammont ta’ kandidati nisa, uħud minnhom uċuħ ġodda, li resqu ’l quddiem fil-politika.
Min-naħa l-oħra, għad fadal diversi pjagi li n-nisa jaffċċjaw fid-dinja tal-lum. Dan mhux qed ngħiduh li aħna biss, hekk kif mhux pajjiżna biss qed jesperjenza dak li jgħaddu minnu n-nisa. Fost dawn, insemmu l-pjaga tal-vjolenza domestika.
Minkejja li sar ħafna progress biex il-mara tkun tista’ tkompli miexja ‘l quddiem u tkun rikonoxxuta fis-soċjetà, nemmnu li għad fadal ħafna xi jsir. Għandu jsir kull sforz biex is-sehem tan-nisa jew il-kontribut tagħhom fis-soċjetà jingħata aktar importanza u għarfien.



