Wednesday, March 25, 2026

“L-irwol tiegħi hu li nibqa’ nassigura li l-liġijiet ta’ pajjiżna jibqgħu jiġu aġġornati”

- il-Ministru għall-Ġustizzja Jonathan Attard

Aqra wkoll

“Ir-responsabbiltà tagħna tiddetta li l-iżvilupp legali ta’ pajjiżna jibqa’ wieħed kostanti u kontinwu.” Iddikjara dan il-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni Jonathan Attard fil-Parlament meta kien qed iwieġeb mistoqsija li saritlu mid-Deputata Laburista Ramona Attard b’rabta mas-sentenza li ngħatat mill-Qorti tal-Appell dwar l-allegat każ ta’ stupru ta’ minuri f’Għawdex, li jmur lura għall-2008, fejn l-akkużati ma kinux instabu ħatja.

Dr Ramona Attard staqsiet x’inbidel fil-liġi minn mindu tela’ dan il-Gvern biex tissaħħaħ il-liġi f’dak li jirrigwardja l-istupru u biex dawk li jikkommettu dan l-att makabru jinstabu ħatja u allura ma jkunux ta’ periklu għas-soċjetà tagħna u t-tfal tagħna.

Il-Ministru Jonathan Attard, mingħajr ma ppronunzja ruħu direttament fuq is-sentenza, qal li jifhem li din kienet sitwazzjoni li ġabet diskussjoni u anke rabja, inkluż rabja tiegħu personali fuq ċertu elementi. Mill-banda l-oħra huwa nnota l-iżvilupp li sar f’dan ir-rigward fl-aħħar snin f’pajjiżna.

“Nemmen li hemm diversi elementi ta’ din is-sitwazzjoni, li kieku kellek tara kif żviluppaw, tara li s-sitwazzjoni hi totalment mibdula, dik li għandu x’jaqsam mal-elementi tar-reat, x’jikkostitwixxi r-reat, partikolarment f’dan is-settur.

“Mill-2013 ’il quddiem bħala Gvern Laburista dejjem rajna b’mod konsistenti li naraw li jseħħu żviluppi neċessarji fil-kamp legali ta’ pajjiżna, inkluż sitwazzjonijiet li huma riflessjonijiet ta’ standards internazzjonali,” qal il-Ministru Attard.

“Ippożizzjonajna ruħna mal-Konvenzjoni ta’ Istanbul u jien konvint li sitwazzjonijiet bħal dawn, min isegwi anke ċertu żviluppi f’każi riċenti tara li l-eżitu kien kompletament differenti meta applikati taħt il-liġijiet hekk kif aġġornati fl-aħħar 10 snin f’pajjiżna,” tenna l-Ministru.

Huwa temm jgħid li l-irwol tiegħu bħala Ministru tal-Ġustizzja, mhuwiex li jikkummenta fuq is-sentenza per se, imma li jibqa’ jassigura li l-liġijiet ta’ pajjiżna jibqgħu jiġu aġġornati.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport