Waqt l-aħħar edizzjoni tal-MASP Awards għall-2024, il-proġett ta’ STUDJURBAN għall-pjazza l-ġdida tal-Mosta, The Heart of Mosta, irċieva rkonoxximent speċjali fil-kategorija tad-Disinn Urban — rikonoxximent li mhux biss jixhed il-kwalità tax-xogħol ta’ Studjurban, iżda li kompla jafferma l-importanza qed tiżdied tal-ispazji pubbliċi f’Malta. “Nixtieq nemmen li dan ir-rikonoxximent hu l-bidu ta’ bidla tant meħtieġa fejn id-disinn iqiegħed lin-nies l-ewwel,” jgħid il-Perit Antoine Zammit.

Meta Studjurban ġiet avviċinata għall-ewwel darba biex teżamina d-disinn ġdid għall-pjazza tal-Mosta, l-uffiċċju ta’ disinn urban ma rax sempliċi intersezzjoni ta’ toroq iżda opportunità mitlufa. Għal snin twal, dan l-ispazju kien il-qalba ta’ lokalità iżda funzjonalment u viżwalment, din kienet iżolata mill-ħajja ta’ madwarha.
“Dik li probabbilment hija wieħed mill-isbaħ pjazez Maltin kienet saret sempliċement spazju miftuħ għat-traffiku li ma kien joffri l-ebda raġuni biex wieħed jieqaf – kien spazju fejn in-nies ma kelliex postha. U allura staqsejna lilna nfusna mistoqsija sempliċi: tista’ din is-sitwazzjoni tiddawwar bil-kontra?” jispjega l-perit Zammit.

“Ir-riżultat li xtaqna kien li noħolqu spazju li jistedinek tnaqqas il-pass, mhux kemm tgħaddi minnu u tibqa sejjer. Illum, dak li kien vojt ċiviku sar qalb ċivika. Il-proġett kien wieħed ta’ trasformazzjoni billi minflok żidna, naqqasna — neħħejna l-ostakli bla bżonn u naqqasna l-ħakma tal-karozzi biex nagħtu aktar spazju għad-dawl, il-moviment, id-djalogu u l-mistrieħ,” żied jgħid.
Fil-qalba tal-proġett kien hemm il-fehma li din il-pjazza għandha tipoloġija essenzjali — li trid issir parti ħajja mill-kultura Maltija.
“Missirijietna bnew il-pjazez għaliex dejjem riedu ħajja soċjali fil-kuntest tat-temp tagħna, il-klima u r-ritmu tal-ħajja. Imma xi mkien matul it-triq, tlifna dik il-viżjoni. L-asfalt ħa post il-ġebla, it-traffiku ħa post in-nies, u l-ispazju li qabel kien ta’ kulħadd sar wieħed frammentat u minsi.”
Il-perit Zammit jispjega li l-intervent ma kienx dwar ġesti kbar, iżda eżerċizzju biex jinkisbu koerenza, ċarezza, u dinjità għall-ħajja ta’ kuljum.
“Iddisinjajna l-pjazza b’disinn ġeometriku biex l-ispazju isir favur il-mixi, ħloqna wesgħat ġenerużi għal kull min ikun qed jimxi u tejjibna l-konnessjonijiet mat-toroq tal-madwar. Daħħalna bankijiet u żoni mgħammra bid-dell, appuntu biex iħajjru lin-nies jieqfu.”
“Anke fil-għażla tal-materjali, għażilna dak li jirrifletti l-kuntest u l-karattru tal-Mosta, filwaqt li żgurajna materjal durabbli u manutenzjoni faċli. Dawl ġdid, pavimentar ġdid u landscaping komplew joħolqu spazju sigur, aċċessibbli u ħaj f’ħinijiet differenti tal-ġurnata,” żied jgħid.
Bħala espert fid-disinn urban, Dr Zammit jaf li dawn il-proġetti għandhom ikunu dwar in-nies mhux biss dwar id-disinn.

“Bħala Studjurban, li għandna l-uffiċju tagħna propju hawn fil-Mosta, involvejna diversi stakeholders — residenti, negozjanti u ħdimna id f’id mal-Kunsill Lokali tal-Mosta biex jintlaħaq bilanċ b’saħħtu li jissodisfa l-aspettattivi differenti.”
“Fil-fatt, l-aktar mumenti sodisfaċenti ma kienx meta nfetħet il-pjazza, iżda meta bdejna naraw lin-nies jieqfu, jużaw u jgawdu dan l-ispazju ġdid. Nemmen li mumenti bħal dan huma l-kejl ta’ suċċess fid-disinn urban.”
Bħala studio, Studjurban huwa impenjat għal dan it-tip ta’ xogħol — żgħir fl-iskala, iżda kbir fl-impatt.
“Nemmen li d-disinn tajjeb m’għandux ikun riservat għall-binjiet ikoniċi jew kuntesti elitisti. Id-disinn tajjeb għandu jkun parti mit-tessut tal-ħajja ta’ kuljum li jkun rifless fil-bankini, fil-qsim tat-triq, fil-bankijiet u fis-siġar. L-ispazji pubbliċi għandhom jagħtu prijorità lill-użabilità u l-inklużjoni, speċjalment għat-tfal, l-anzjani, u dawk b’mobilità mnaqqsa.”
Il-perit Zammit jiddikjara li f’Malta, dawn l-ispazji qed isiru aktar urġenti minn qatt qabel.
“Iqed ngħixu ħajja mgħaġġla wisq u taħt pressjonijiet differenti — konġestjoni, żvilupp eċċessiv, u sistema ta’ ippjanar li spiss tqis l-ispazji pubbliċi bħala ħsieb żejjed, jew wara li nkunu lestejna kollox. Iżda nemmen li hemm opportunità, għax naraw potenzjal f’kull forma ta’ spazju pubbliku, sew jekk tkun triq, pjazza, junction jew sqaq. Kull spazju jista’ jerġa’ jiġi interpretat u immaġinat għal ħajja aħjar.”
Dr Antoine Zammit jassigura li pajjiżna mhux nieqes mill-ideat.
“Dak li spiss ikun nieqes huwa r-rieda politika biex naraw dawn il-proġetti jitwettqu, speċjalment meta jkun hemm dibattitu pubbliku u interessi diversi. Il-proġett tal-Mosta sar ballun politiku u nibet diskussjonijiet intensi u xettiċiżmu. Iżda fl-aħħar, il-proġett wera li tibdil sinifikanti huwa possibbli, ukoll jekk jista’ jkun hemm ċerti limitazzjonijiet.”
“Fl-aħħar mill-aħħar, dan il-proġett irnexxielu jipperswadi lin-nies u lill-istakeholders kemm pjazza bħal din taf tkun importanti għall-kuntest lokali, għall-persuni li jgħixu u jgħaddu mill-Mosta kuljum, u għar-rwol li għandu d-disinn b’għaqal fil-ħajja ċivika tagħna.”
“Il-premjijiet jagħtu sodisfazzjon, iżda għalija, l-akbar premju jiġi meta d-disinn itejjeb ħajjet in-nies b’mod sottili — meta n-nies jimxu b’aktar sigurtà fost it-traffiku li dejjem qed jiżdied, u meta belt jew raħal, jiksbu lura l-ispazju li għandhom bżonn.”
“L-ebda proġett mhu perfett. Iżda dan il-proġett fil-Mosta wriena x’jista’ jiġri meta npoġġu lin-nies l-ewwel. Nispera li dan hu biss il-bidu għal aktar kollaborazzjoni, aktar kuraġġ, u aktar fiduċja fil-valur tal-ispazju pubbliku.”