Il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista, Robert Abela qal li l-familja hija fiċ-ċentru tad-deċiżjonijiet li qed jieħu l-Gvern, liema deċiżjonijiet qed jagħmlu differenza f’oqsma varji. F’attività politika fil-Birgu, Dr Abela enfasizza s-sehem tan-nies fil-konsultazzjoni pubblika tar-riġenerazzjoni ħolistika tal-Port il-Kbir li ser ikun l-isbaħ proġett li qatt sar u l-aktar wieħed ambizzjuż għal pajjiżna. Huwa spjega li dan huwa parti mill-istrateġija Viżjoni Malta 2050, viżjoni li teħodna fejn irridu naslu bħala pajjiż fi żmien 25 sena oħra. Il-Prim Ministru spjega kif siti bħall-ex power station se jinbidlu minn sorsi ta’ tniġġis għal spazji miftuħa għat-tgawdija tal-familji.
Għall-kuntrarju ta’ dak li ġie rrappurtat fil-midja, il-Prim Ministru serraħ moħħ lis-sidien li jorbtu l-opri tal-baħar quddiem l-Università Amerikana ta’ Malta. F’dan il-kuntest, Dr Abela sostna li l-Gvern miftuħ għal investiment mingħajr ma jippreġudika l-identità, id-delizzji u t-tradizzjonijiet tagħna.
Dwar l-ekonomija, il-Prim Ministru rrefera għar-rapport riċenti tal-Fond Monetarju Internazzjonali (IMF), li mhux biss iċċertifika is-saħħa ta’ pajjiżna, iżda nnota li l-ġid iġġenerat għal kull persuna f’Malta rdoppja. Huwa fisser kif dan is-suċċess ekonomiku qed jippermetti lill-Gvern iwettaq fost l-oħrajn l-akbar tnaqqis fit-taxxa fl-istorja. Ġab l-eżempji ta’ bosta miżuri li daħlu fis-seħħ fil-budget ta’ din is-sena fosthom it-tnaqqis fit-taxxa għal ġenituri. Spjega kif dan il-Gvern ħa ħsieb li titnaqqas it-taxxa lill-famlji kollha, inkluż b’wild wieħed, kuntrarju għall-proposta tal-Oppożizzjoni, li ħalliet barra madwar 30,000 familja.
Il-Prim Ministru Robert Abela ddeskriva l-investiment ta’ kwart ta’ biljun ewro fis-servizz taċ-childcare b’xejn bħala pedament kruċjali tas-suċċess ekonomiku u soċjali ta’ pajjiżna. Huwa spjega kif din il-miżura biddlet il-wiċċ tas-suq tax-xogħol, fejn Malta għaddiet minn waħda mill-anqas rati ta’ mpjiegi għat-tieni l-aqwa rata fl-Ewropa, b’6,500 mara aktar li daħlu fid-dinja tax-xogħol. Semma’ kif f’pajjiżi oħra fejn iċ-childcare huwa piż finanzjarju kbir għall-familji, mentri f’Malta l-Gvern qed ikompli jinvesti biex il-familji tal-klassi medja b’żewġt itfal, fi żmien tliet snin, jispiċċaw ma jħallsu l-ebda taxxa grazzi għall-akbar tax cut fl-istorja.
Dwar il-qasam tal-ġustizzja, il-Prim Ministru spjega r-riforma storika fil-Qorti tal-Familja, settur li kien ilu ma jintmess għal dawn l-aħħar 22 sena. Spjega li din ir-riforma se twassal għat-twaqqif ta’ binja u Qorti ġdida ddedikata esklussivament għal dawn il-każijiet, b’ġudikatura speċjalizzata li tifhem is-sensittività ta’ dawn is-sitwazzjonijiet. Il-Prim Ministru qal li l-Gvern se jkun qed jinvesti biex esperti bħal psikologi u esponenti fil-qasam tat-tfal jitħallsu mill-istat biex jassistu fil-medjazzjoni u r-rikonċiljazzjoni, bidla li hija mfassla biex tpoġġi l-interessi tat-tfal u l-benesseri tal-koppja fuq quddiem nett.
Il-Prim Ministru qal li d-dgħufija u l-inċertezza tal-Kap tal-Oppożizzjoni ħarġet fid-deher bl-aġir tiegħu b’rabta mal-ħatra ta’ Prim Imħallef ġdid. Il-Prim Ministru spjega li filwaqt li l-Gvern ressaq l-isem tal-Imħallef Consuelo Scerri Herrera, il-Kap tal-Oppożizzjoni kaxkar saqajh u nħataf mill-forzi tad-dlam, tant li kien lest iddaħħal lill-pajjiż fi kriżi kostituzzjonali sempliċiment biex jintogħġob minn dawk li għandhom l-għatx għat-tpattija. Dr Abela qal li l-Kap tal-Oppożizzjoni, mhux biss tilef il-kelma ta’ rġulija mal-Imħallef nominata mill-Gvern, iżda wera li mhux kapaċi jieħu deċiżjoni. Staqsa kemm il-Kap tal-Oppożizzjoni ser ikun qiegħed iżomm kelmtu tal-wiegħdi li qed jagħmel lill poplu.
Il-Prim Ministru temm id-diskors tiegħu billi qal li fil-ġimgħat li ġejjin ix-xogħol tal-Gvern ser jirranka b’forza li qatt qabel ma’ ra bħalha, fosthom bit-twettiq tal-budget, bi proġetti kbar u spazji miftuħa, bl-aqwa ekonomija u l-aqwa kwalità tal-ħajja għall familji Maltin u Għawdxin.
L-istess attività kienet indirizzata mis-Segretarju Parlamentari Andy Ellul li saħaq li l-Gvern huwa definit mid-deċiżjonijiet konkreti tiegħu fl-oqsma tal-akkomodazzjoni u l-bilanċ bejn il-ħajja u x-xogħol. Huwa spjega li filwaqt li l-Oppożizzjoni hija bbażata fuq l-istorbju u l-populiżmu, il-Gvern qed iwettaq bidliet storiċi fil-qrati u fil-kundizzjonijiet għal ħaddiema, kif ukoll qed jagħti serħan il-moħħ għall-ġenituri.

