Il-Prim Ministru Robert Abela f’kummenti li ta lill-ġurnalisti qal li l-isem tan-nominat ta-Gvern għall-kariga ta’ Prim Imħallef sar pubbliku biex ikun hemm trasparenza. Din hija l-ewwel darba li l-kariga ta’ Prim Imħallef trid tiġi approvata b’żewħ terzi fil-Parlament.
Dr Abela qal li hu kien iltaqa’ għal diversi jiem mal-Kap tal-Oppożizzjoni, iżda qatt ma ressaqlu isem għan-nomina. Qal li l-isem li ġie mressaq mill-Gvern la kien hemm approvazzjoni u lanqas ċaħda mill-Oppozizzjoni hekk kif qatt ma tressaq għal Grupp Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista.
Il-Prim Ministru qal, dan wassal għal sitwazzjoni fejn in-nominat tal-Gvern lanqas kien qed jasal għand dawk li huma kostituzzjonalment imsejħa jiddeċiedu fuq il-ħatra, u għalhekk iddeċieda li jagħmel l-isem pubbliku.
Stqarr li dan il-proċess mhux differenti minn ħatriet oħrajn li jeħtieġu maġġoranza ta’ żewġ terzi, u semma bħala eżempju l-proċess li kien segwa l-eks Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech meta kien ippubblika ismijiet għall-kariga tal-Kummissarju tal-Istandards fil-Ħajja Pubblika.
Irrefera wkoll għal ħatra li kienet saret fl-2020 meta dakinhar il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia kien għalaq il-proċess fi ftit żmien hekk kif kien hemm qbil bejn iż-żewġ naħat.
Dr Abela esprima t-tama li l-proċess attwali jwassal biex, hekk kif jiskadi t-terminu tal-Prim Imħallef preżenti, il-pajjiż ikollu Prim Imħallef ġdid.



