F’kumment li ta dwar il-Pre Budget Document 2025, il-Konsulent Finanzjarju u Membru fil-Kunsill tal Kamra tal-Kummerċ, Silvan Mifsud spjega kif huwa ovvju li l-isfida ewlenija li Malta għandha quddiemha huwa dwar kif se nittrasformaw l-ekonomija Maltija biex tikber b’mod sostennibli.
“Fil-Pre Budget Document il-Ministru tkellem ċar li din hija l-isfida ewlenija meta qal li ‘l-ghan tagħna huwa li nimxu lejn ekonomija iktar sostennibli u innovativa bħalma huma t-teknoloġija l-ħadra, l-enerġija rinnovabli u l-innovazzjoni diġitali’. Il-fatt huwa li l-ekonomija Maltija ma tistax tibqa’ tibbaża biss fuq it-turiżmu, il-bini, is-servizzi finanzjarji u l-gaming. Għandna bżonn ekonomija iktar diversifikata biex tkun aktar reżiljenti u nżidu l-produttività,” spjega Mifsud.
Budget li għandu jkun ambizzjuż
Min-naħa tiegħu huwa jittama però li dan ma jibqax biss kliem, imma li l-Budget 2025 ikun wieħed ambizzjuż biex it-transformazzjoni tant meħtieġa fl-ekonomija Maltija tigi indirizzata b’mod qawwi u sod. Żied li, “dan għandna bżonnu wkoll biex nibdew ntaffu l-piż fuq l-infrastruttura fil-pajjiż. Nittama wkoll li dan il-Budget ikollu l-kuraġġ jindirizza problem endemiċi li qegħdin jaffettwaw ħażin il-kwalità tal-ħajja b’impatt ekonomiku ħażin, bħalma huwa t-traffiku”.
Huwa kkwota paragrafu mid-dokument ta’ qabel il-Budget li jgħid: ‘Ix-Xogħol fuq il-Master Plan Nazzjonali fuq it-Trasport se jiggwida d-deċiżjonijiet li jridu jittieħdu għal sistema ta’ transport iktar sigura, ħadra u sostennibli… Dan il-pjan aġġornat se jintroduċi varji miżuri li se jindirizzaw il-konġestjoni tat-traffiku u jnaqqas l-emissjonijiet, waqt li jinkoraġixxi modi alternattivi ta’ transport’.
Fir-rigward Mifsud esprima t-tama tiegħu li naslu llum qabel għada biex nieħdu d-deċiżjonijiet li għandna nieħdu biex nibdew intaffu din il-problema tat-traffiku. Insista li, “xi jrid isir ilna nafu, li jonqos huwa l-kuraġġ li nagħmluh”.
“Inkunu lesti għal kwalunkwe xokk li jista’ jiġi lejna…”
Mifsud qal ukoll li huwa importanti ħafna li nieħdu ħsieb ukoll is-sostennabilità fil-finanzi pubbliċi. “Nieħu gost naqra bl-isforz li qiegħed isir biex il-Gvern jassigura moralità fiskali permezz ta’ investimenti fit-teknoloġija, biex it-taxxa tinġabar kollha mingħand min għandha tinġabar. S’issa evitajna għawġ ikbar għax l-ekonomija Maltija baqgħet tikber. Però, ekonomija li qiegħda tikber suppost m’għandhiex bżonn żbilanċi fiskali qawwi bħalma huwa qiegħed ikollna fl-aħħar snin. Bħala anke parti mis-reżiljenza li għandna bżonn, hemm bżonn li nibnu l-hekk imsejħa “fiscal buffers” li kemm il-Kummissjoni Ewropeja u l-IMF ilhom jgħidulna dwarhom. Dan biex inkunu lesti għal kwalunkwe xokk li jista’ jiġi lejna. Biżżejjed wieħed jaħseb fuq ir-riskju li jiżdied b’mod qawwi l-prezz taż-żejt minħabba l-instabbilità u l-gwerer li hemm bħalissa fil-Lvant Nofsani,” temm Silvan Mifsud.