Tuesday, April 30, 2024

L-isfidi f’Għawdex mhumiex limitati għall-binja tal-Qorti

Il-Ministru għall-Ġustizzja Jonathan Attard jgħid li m'għandux problema jindirizza sitwazzjonijiet li ilhom snin ikarkru

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Fil-jiem li ġejjin b’kollaborazzjoni mal-Ministeru ta’ Għawdex se tkun qed toħroġ sejħa pubblika biex jiġu identifikati x’siti jew bini hemm disponibbli u adegwat biex jospita l-Qorti ta’ Għawdex. Iddikjara dan il-Ministru għall-Ġustizzja Jonathan Attard waqt l-estimi tal-budget għal dan il-qasam. Attard kompla biex jgħid li dan huwa huwa pass importanti li għandu jwassal biex tiġi indirizzata s-sitwazzjoni li ddiġenerat matul is-snin. Madanakollu huwa żied jgħid li ma nistgħux naslu biex nemmnu li l-isfidi f’Għawdex huma limitati biss għall-binja anke jekk din hija prijorità.

Awla ġdida biex jiżdiedu s-seduti

L-Aġenzija għas-Servizzi tal-Qrati għaddejja b’ħidma fuq diversi lati biex tissaħħaħ l-infrastruttura disponibbli. Apparti l-proġetti marbuta mal-binja biswit il-Qorti, qiegħed isir ukoll eżerċizzju biex jiġi mmassimizzat l-ispazju fil-bini eżistenti. Dan l-eżerċizzju għandu jwassal għall-bini ta’ Awla Ġdida u qed jiġi studjat kif l-ispazju amministrattiv tal-Qorti jiġi kkonvertit f’aktar Awli bil-għan li jiżdiedu n-numru ta’ seduti u fl-istess ħin jonqos it-tul tal-kawżi.

Assistenza f’mumenti daqstant vulnerabbli

Il-Ministru tkompla biex jitkellem dwar ħidma biex jinħoloq tim li jipprovdi servizz ta’ Help Desk fil-Qrati u fl-istess waqt saħaq li ma jifhimx kif f’din l-istituzzjoni għadu ma bediex jaħdem dan is-servizz. Attard qal li ċertament li ħadd ma jieħdu pjaċir li jispiċċa l-Qorti u li għalhekk jemmen li f’mumenti daqstant vulnerabbli f’ħajjithom, dawk involuti għandhom ikunu provduti fost l-oħrajn bi gwida jew aġġornamenti ta’ fiex ikunu waslu l-proċeduri tagħhom, għalfejn ċertu dewmien u x’jistgħu jagħmlu biex jevitaw ċertu dewmien. Il-Ministru qal li meta jitkellem man-nies dwar l-esperjenzi tagħhom tinduna li n-nuqqas ta’ għarfien dwar il-proċedura jwassal għal frustrazzjoni u għalhekk hemm bżonn approċċ aktar uman fejn dak li jkun tal-inqas ikun jaf dwar il-proċedura u x’mistenni minnu. F’dan ir-rigward, il-Ministru qal li qatt ma seta’ jifhem kif persuna fl-irwol tiegħu jista’ jindirizza problema jekk lanqas ikollu kuraġġ jirrikonoxxiha. 

Sitwazzjonijiet li ilhom ikarkru snin twal

Il-Ministru qal li filwaqt li m’għandu l-ebda problema jassumi responsabbiltà għal ċertu sitwazzjonijiet, tajjeb li wieħed jifhem li dawn ilhom jakkumulaw għal medda ta’ snin fejn saħansitra semma sitwazzjonijiet li jmorru lura għall-2003. Tkellem dwar persuni li kellhom jaffaċċjaw dewmien minħabba differimenti kontinwi, koppji li jiftħu proċeduri biex jiżgumbraw inkwilin li naqas mill-obbligi tiegħu u wara li jingħataw sentenza favorevoli jdumu xhur jitħabtu biex jieħdu kopja tas-sentenza, mara li ilha 19-il sena l-Qorti għaddejja bi proċeduri ta’ separazzjoni u saħansitra persuni f’età avvanzata li huma mħassbin li jekk jiġu nieqsa minħabba proċeduri li jieħdu snin se jispiċċaw iħallu problemi lil ta’ warajhom fost numru ta’ sitwazzjonijiet oħra. Il-Ministru tenna li mhux biss ma jsib l-ebda problema jiskuża ruħu għal sistema li falliet matul is-snin, iżda mhux biss, anzi wiegħed li jikkommetti ruħu li fejn hu possibbli dawn is-sitwazzjonijiet ikunu eċċezzjonijiet.

Aktar emendi importanti

Il-Ministru tkellem dwar emendi li saru fl-aħħar xhur b’deċiżjonijiet f’waqthom bħalma huma l-emendi fil-liġi tal-Femmiċidju u tal-Ħelsien mill-Arrest. Huwa tenna l-impenn ta’ aktar ħidma u spjega li fiż-żmien li ġej quddiem il-Parlament se titressaq emenda li tipproteġi saħħet u ħajjet l-omm f’każ ta’ kumplikazzjonijiet mediċi waqt it-tqala. Dan wara xogħol li sar b’kollaborazzjoni bejn il-Ministeru tal-Ġustizzja, il-Ministeru tas-Saħħa u s-Segretarjat Parlamentari għar-Riformi u l- Ugwaljanza. B’din l-emenda, il-professjonist u l-omm prospettiva mhux se jkunu esposti għal proċeduri kriminali f’każ tat-twaqqif tat-tqala biex tiġi protetta l-omm li tkun fil-periklu għal saħħitha.

Sport