Monday, October 28, 2024

L-ISFIDI GĦAR-REPUBBLIKA TAGĦNA … L-INDIFFERENZA, L-PREĠUDIZZJI U L-ESTREMŻMU

Aqra wkoll

Proprju fl-aħħar jiem fakkarna il-jum li fih Malta saret Repubblika. Għaddew kważi ħamsin sena mindu pajjiżna sar Repubblika. Lil hinn mit-tixjir tal-bnadar u d-daqq tal-Innu Malti, li ħafna lanqas biss jafu l-kliem tiegħu aħseb u ara it-tifsira tiegħu, tajjeb li nirriflettu fejn wasalna llum.

Tajjeb li nħarsu b’mod kritiku lejna nfusna, lejn is-soċjetà, lejna l-istituzzjonijiet. Nistaqsu fejn wasalna f’dik li hi maturità. Kemm kbirna bħala poplu tul dawn il-50 sena?  Il-valuri tagħna għadhom li kienu, inbidlu? Il-prinċipji tagħna, għadhom b’saħħithom jew qegħdin jitnawwru? Dawn huma mistoqsijiet li ride nagħmlu

Ninsabu fi żmien fejn illum pajjiżna għandu sfidi ferm differenti minn dawk tas-sena 1974 meta pajjiżna kiseb ir-Repubblika. Illum pajjiżna għandu sfidi kbar fejn jidħlu l-preġudizzji, l-isterjotipi u r-razziżmu.

Bla tlaqlieq ngħidu li għandna min jattakka nies f’dan il-pajjiż sempiċiment għax għandhom opinjoni politika differenti. Hu fatt li f’pajjizna għandna nies li fuq il-mezzi soċjali u mezzi oħra, jattakkaw bla ħniena persuni li jemmnu fi prinċipju partikolari. Għandek min jattakka lil dawk li huma xellugin bla ħniena, u oħrajn li jattakkaw bla ħniena il dawk tan-naħa l-oħra. Għandna min jaġixxi qisu naħa waħda biss tajba. Għandna sitwazzjoni fejn ħafna jagħżlu li jattakkaw personalment flok l-argument.

Hi ħasra li f’dan pajjiżna fejn suppost kulħadd għandu id-dritt tal-opinjoni, tispiċċa attakkat jekk tesprimi opinjoni jew ikunu jafu li qed timmilita f’partit u mhux f’ieħor. Issib ġej lejk kull tip ta’ attakk. Idaħħlulek il-familja, mard, tfal u ma nafx x’iktar. Dan kemm minn naħa u kemm minn oħra. Din mhi xejn għajr mibegħda. Mibegħda fil-konfront ta’ min għandu opinjoni politika.. Mibegħda li minħabba fiha ħafna jagħżlu li ma jesprimux ruħhom. Din hi ukoll diskriminazzjoni li f’dan pajjiżna ftit li xejn nitkelllmu dwarha. Diskriminazzjoni abbażi ta’ x’temmen jew x’opinjoni għandek. 

F’dan pajjiżna għandna ukoll l-isfida tal-preġudizzji. Preġudizzji kontra l-barranin. Preġudizzji lejn min hu ta’ ġilda differenti minn tagħna, preġudizzji kontra min hu ta’ razza differenti minn tagħna jew ta’ reliġjon.  Qed naraw l-estremiżmu jikber fostna. Estremiżmu li forsi ġieli ninjorawh imma qiegħed magħna. Estremiżmu li ma jagħmel xejn ħlief li jirkeb fuq it-traġedji tal-vulnerabbli biex ibeżża’ sezzjonijiet tal-poplu.

Nemmnu li llum hemm bżonn li ninqatgħu minn din l-indifferenza għal dak li ma jirrigwardax lilna direttament. Kemm se ndumu ngħidu li “u iva dak mhux hawn ġara, mhux fl-Afrika dak”.

Nemmnu li r-razziżmu u l-antipatija li xi wħud minna għandhom lejn dawk li ma humiex Maltin llum m’hemmx postha. F’pajjiż modern u miftuħ għad-dinja, ma hemmx lok għar-razziżmu. 

Ir-razziżmu ma jinsabx biss fit-toroq, postijiet tax-xogħol jew f’postijiet pubbliċi. Ir-razziżmu jinsab ukoll fl-istituzzjonijiet. Hi sfortuna li r-razziżmu istituzzjonali qiegħed ikomplu dejjem joħroġ aktar fil-beraħ.  Razziżmu istituzzjonali li sa issa f’pajjiżna ftit li xejn qegħdin nitkellmu dwaru. Razziżmu istituzzjonali li ftit li xejn hawn kampanji dwaru.  Ma’ dan imbagħad għandek il-lemin estrem li anke f’Malta qegħdin narawh jerfa’ rasu fejn jilħaq il-qofol tiegħu b’kummenti ta’ mibegħda fis-siti soċjali.

L-iskambju kulturali li bbenefikat minnu hawn Malta mid-dħul tagħna fl-Unjoni Ewropea saħħaħna u kabbarna bħala poplu. Illum diversi minn ħutna l-Maltin jgħixu u jaħdmu f’pajjiżi tal-Unjoni Ewropea. Oħrajn  rritornaw lura, mibdulin mill-esperjenza tagħhom f’pajjiż ieħor. Bl-istess mod, uħud minn ħutna l-Ewropej jgħixu fostna, jaħdmu magħna u jaqsmu ħajjithom magħna l-Maltin. Ma’ dawn imbagħad irridu nżidu dawk il-persuni minn pajjiżi terzi li għandhom permess li jistudjaw jew jaħdmu hawn Malta, u dawk il-persuni l-oħra li għandhom status ta’ refuġjati jew jibbenefikaw minn protezzjoni umanitarja. 

Dan il-proċess ta’ migrazzjoni minn u lejn Malta ma bediex ilbieraħ. Bħala poplu ilna nemigraw lejn pajjiżi oħra u kważi kulħadd għandu qraba jgħixu l-Awstralja, l-Kanada, l-Istati Uniti jew xi pajjiż ieħor. Bħala Maltin, inkunu kuntenti għall-Maltin l-oħra li sabu posthom fis-soċjetà li marru jgħixu fiha u bir-raġun ninkorlaw jekk dawn il-Maltin kellhom ibatu minn xi diskriminazzjoni jew esklużjoni għall-ebda raġuni ħlief li huma Maltin jew agħar minħabba l-fattizzi tagħhom. 

Nemmnu li dan l-istess proċess ta’ integrazzjoni importanti li jseħħ f’Malta issa li pajjiżna żviluppa tant kemm ekonomikament u kemm soċjalment, li sirna pajjiż ta’ immigrazzjoni minflok pajjiż ta’ emigrazzjoni. Integrazzjoni li taħdem tajjeb issawwar fl-immigranti sens ta’ appartenenza u r-rieda li jiffurmaw parti mis-soċjetà, u li jikkontribwixxu direttament għall-progress tagħha. L-integrazzjoni twassal ukoll għal aktar fehma bejn il-persuni differenti sal-punt li d-differenzi oriġinali isiru sekondarji u banali. 

Nemmnu li pajjiżna irid jagħmel ferm aktar fuq l-integrazzjoni. Donnu nibżgħu nitkellmu fuqha ma jmurx nurtaw xi sezzjoni ta’ nies.   Irridu ukoll it-tolleranza fejn jidħlu l-opinjonijiet. Mhux aktar l-attakki personali imma niddibattu l-agument – il-prinċipju. Nemmnu li dawn huma l-bidiet li hemm bżonn din ir-Repubblika tagħna. 

Sport