Saturday, December 21, 2024

L-ISFIDI GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ MALTIN

Cressida Galea
Cressida Galea
Ekonomista

Aqra wkoll

Ftit tax-xhur ilu kelli l-opportunità li nagħmel laqgħa ma’ rappreżentant tal-Aġenzija Żgħażagħ. Din l-aġenzija twaqqfet fl-2011 biex tipprovdi liż-żgħażagħ l-ispazju meħtieġ biex jitgħallmu u jiżviluppaw it-talenti tagħhom permezz tas-servizzi u programmi reġjonali għaż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin. 

Waqt din il-laqgħa, iddiskutejna tliet sfidi ewlenin li ż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin qed jiffaċċjaw: 

Is-Saħħa mentali – iż-żgħażagħ iħossu li waħda mill-akbar sfidi li jiffaċċjaw matul iż-żogħżija hija dik tas-saħħa mentali. L-età bejn l-adolexxenza u l-età adulta żgħira hija l-perjodu fejn ħafna nies jesperjenzaw bosta mard mentali bħal ansjetà, depressjoni u anke eating disorders. Dan huwa perjodu delikat fejn iż-żgħażagħ ikunu għaddejjin minn diversi bidliet fl-iżvilupp tagħhom kif ukoll ikunu għaddejin bl-istudji tagħhom fejn jistgħu jwasslu għal aktar ansjetà u stress fil-ħajja tagħhom. 

Sabiex tiġi indirizzata din l-isfida, kien hemm numru ta’ kampanji fuq is-saħħa mentali ogranizzati minn Aġenzija Żgħażagħ kontra l-ansjetà, kif ukoll kampanja biex jindirizzaw sfidi ta’ saħħa mentali u l-ħajja soċjali taż-żgħażagħ li setgħet ġabet magħha l-pandemija. 

Inizjattiva oħra li tħabbret ftit tax-xhur ilu hija l-kampanja ‘Smile with Miles’ li tnediet minn Dr. Lydia Abela biex tħeġġeġ aktar nies imorru mixja jew ġirja biex, apparti li jkunu qegħdin iżommu attivi billi jagħmlu l-eżerċizzju fiżiku, ser ikunu qed jikkontribwixxu biex jinġabru fondi għal proġetti tal-komunità li jindirizzaw is-saħħa mentali. Hekk kif id-distanza kumulattiva permezz ta’ mixja jew ġirja mill-utenti kollha ta’ din l-inizjattiva tilħaq il-250,000 mil, numru ta’ kumpaniji privati se jagħtu ammont ta’ flus biex jgħinu jiffinanzjaw proġetti ffokati fuq is-saħħa mentali. 

Sfida oħra li qed tiġi affaċjata fost iż-żgħażagħ hija t-tluq kmieni mill-iskola (early school leaving) fejn l-istudenti ma jkomplux l-edukazzjoni terzjarja minħabba diversi raġunijiet. Dan jikkorrispondi mar-rata baxxa ta’ qgħad fost iż-żgħażagħ. Infatti, f’Mejju ta’ din is-sena, ir-rata ta’ qgħad fost iż-żgħażagħ f’Malta kienet madwar 7.4% filwaqt li fl-Unjoni Ewropea din ir-rata kienet 17.3% u fiż-żona euro kienet 17.5%. 

Sabiex tiġi indirizzata din l-isfida, għandu jkun hemm korsijiet li joffru liż-żgħażagħ li jagħżlu li jidħlu fid-dinja tax-xogħol wara t-tmiem tal-iskola sekondarja, biex ikunu jistgħu jkomplu bl-istudji tagħhom u jkomplu jsaħħu l-ħiliet tagħhom (upskilling) filwaqt li jkomplu jaħdmu.  

F’dan ir-rigward, apparti korsijiet part-time li qed jiġu offrutti mill-Università ta’ Malta, il-gvern ħabbar ukoll numru ta’ korsijiet ġodda għat-Tagħlim Matul il-Ħajja (Lifelong learning courses). Dawn il-korsijiet ta’ tagħlim formali u informali, kemm ġenerali kif ukoll vokazzjonali, joffru l-possibilità u l-opportunità biex il-ħaddiema jkomplu jitgħallmu u javvanzaw il-ħiliet tagħhom sabiex ikollhom xogħol ta’ kwalità aħjar u kundizzjonijiet xierqa. 

L-aħħar sfida li ddiskutejt flimkien ma’ Aġenzija Żgħażagħ hija dik tal-obeżità. F’2017, 62.2% tal-popolazzjoni Maltija mill-età ta’ tmintax-il sena ‘l quddiem huma obeżi abbażi tal-indiċi tal-massa tal-ġisem tagħhom (BMI). Dan il-perċentwal ġie kkalkulat mill-EUROSTAT. Diversi studji mill-Għaqda Dinjija tas-Saħħa (WHO) juru li l-pajjiżi tas-Sud tal-Ewropa huma aktar milqutin bl-obeżità. 

Il-Gvern Laburista dejjem emmen li ż-żagħżagħ għandhom rwol ċentrali fl-iżvilupp soċjali u ekonomiku ta’ pajjiżna. Il-Gvern qed jagħti l-opportunità liż-żgħażagħ jersqu ‘l quddiem u jagħtu l-opinjonijiet tagħhom, kif ukoll qed jinkoraġġixxi aktar żgħażagħ ikunu attivi u parti mid-deċiżjonijiet li jittieħdu għall-pajjiż billi jikkontribwixxu attivament fil-politika tal-pajjiż. 

Ekonomija

Sport