Monday, November 11, 2024

L-ISFIDI LI QED NAFFAĊĊJAW ILLUM

Aqra wkoll

Il-mod kif id-dinja u l-ħajja li ngħixu qegħdin jinbidlu, fejn kollox sar ħafna u ħafna aktar mgħaġġel, joħolqu għalina u għal pajjiżna sfidi ġodda. Sfidi, li wieħed irid jagħti kashom, għax jekk iħallihom għaddejjin iwasslu għal problemi ferm u ferm akbar fil-futur.  L-isfidi li għandna huma diversi fosthom l-ambjent u kif se nipproteġuh, x’ekonomija rridu għal pajjiżna, it-turiżmu u kif se nġibuh aktar sostenibbli, l-infrastruttura ta’ pajjiżna u l-modernizazzjoni tagħha. Ma’ dawn il-problema tat-traffiku u dik tal-inflazzjoni.

Qegħdin ngħixu f’realtà fejn minħabba l-gwerra fl-Ukrajna u fatturi oħra, id-dinja u għalhekk anke pajjiżna qegħdin nesperjenza inflazzjoni għola.  F’Malta għalkemm rajna żieda fil-prezzijiet tal-ikel u prodotti oħra, l-inflazzjoni wieħed jista’ jgħid li nżammet taħt kontroll għax il-Gvern iddeċieda li jagħmel tajjeb hu għaż-żidiet fil-prezz tal-fjuwil.

L-isfida tal-inflazzjoni hi sfida li sa issa ma nafux kemm se ddum. Ovvjament aktar ma ddum din l-isfida aktar se tkun qed toħloq pressjoni fuq il-finanzi tal-gvern b’mod partikolari fejn jidħol il-piż li qed jerfa’ l-gvern fejn jirrigwarda l-prezzijiet tal-enerġija, prezzijiet li żieda tagħhom refagħha l-gvern biex ma jogħlewx il-kontijiet.

Nemmnu li sfida oħra li għandu quddiemu pajjiżna hi fejn jidħol l-ambjent. Illum il-kuxjenza favur l-ambjent kibret sew fostna.  Fl-aħħar snin rajna diversi iniżjattivi ambjentali fosthom miżuri biex jitnaqqas it-tniġġis u ħidma biex jiżdiedu l-ispazji pubbliċi. Rajna anke l-introduzzjoni tas-servizzi tat-trasport pubbliku bla ħlas. Rajna ukoll dejjem jiżdiedu il-proġetti  marbutin mal-enerġija alternattiva.

Nemmnu iżda li lilhinn mill-isforzi tal-Gvern hemm bżonn li l-poplu jibdel il-mentalità tiegħu. L-ambjent ma tgħinux bil-paroli jew billi tgħid li għandek kuxjenza ambjentali. L-ambjent tgħinu billi kull wieħed u waħda minnha jagħmel is-sehem tiegħu. Inaqqas l-emissjonijiet. Inaqqas l-użu tal-fjuwil. Inaqqas il-ġenerazzjoni tal-iskart fost oħrajn.

Nemmnu li pajjiżna għandu ukoll l-isfida quddiemu li ma jistax jibqa’ mifrud kif inhu. Nemmnu li ma nistgħux nibqgħu is-sitwazzjoni li nattakkaw personalment. Niddibattu iva kemm trid. Niddibattu imma l-argumenti u mhux il-persuni.  Illum aktar minn qatt qabel quddiem l-isfidi li għandna, hemm bżonn pajjiż aktar magħqud. Hemm bżonn ħidma aktar flimkien bejn Gvern u Oppożizzjoni. Trid tispiċċa l-idea li dak li tagħmel naħa hu tajjeb u dak tan-naħa l-oħra kollu ħażin.

Nemmnu li sfida li pajjiżna irid jibda jindirizza hi dik li dejjem qed jonqos l-interess fil-politika b’mod partikolari fost iż-żgħażagħ. Ninsabu inqas minn sena bogħod mill-elezzjoni biex neleġġu ir-rapprezentanti fil-Parlament Ewropew. Jeżisti tħassib, li f’dawn l-elezzjonijiet se jkomplu jiżdiedu dawk li mhux se jivvutaw. Hemm raġunijiet diversi għaliex persuni jagħżlu li ma jivvutawx. Hemm kwistjonijiet marbutin ma’ Oppożizzjoni dgħajfa, fejn kemm jekk tivvota u kemm jekk le, mhux se tagħmel differenza kbira. Hemm oħrajn iħossu li l-politiċi inqatgħu minn nies. 

Nemmnu li dan għandu jkun indirizzat u dan billi bil-mod il-mod terġa’ tibda tiddaħħal il-fiduċja tan-nies fil-politika. Fiduċja li twassal għal parteċipazzjoni akbar fl-għażla tar-rappreżentanti li  se jirrappreżentaw lill-poplu. 

Sport