Tuesday, October 7, 2025

“L-isfidi li qed naffaċċjaw mhux raġunijiet biex nirtiraw imma biex nikkoperaw” – Theodoros Rousopoulos, President tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa

Aqra wkoll

F’seduta parlamentari speċjali, is-Sur Theodoros Rousopoulos, President tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa, indirizza lill-Kamra tad-Deputati tal-Parlament ta’ Malta. Dan l-indirizz huwa l-aħħar minn numru ta’ attivitajiet organizzati mill-Parlament fil-qafas tal-Presidenza Maltija tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa.
Fid-diskors tiegħu, is-Sur Rousopoulos qal li meta Malta ngħaqdet fil-Kunsill tal-Ewropa lura fl-1965, għamlet dan bit-twemmin li s-sovranità u s-solidarjetà jistgħu jeżistu flimkien. Huwa qal li llum, sittin sena wara, dak it-twemmin huwa essenzjali aktar minn qatt qabel.
Is-Sur Rousopoulos irrimarka li l-isfidi li qed naffaċċjaw, mill-gwerer u d-diżinformazzjoni sat-tfixkil teknoloġiku, mhumiex ir-raġunijiet biex nieqfu iżda biex nikkoperaw aktar flimkien. Tenna li l-futur mhux se jkun ta’ min se jgħajjat l-aktar imma ta’ dawk li jibqgħu fidili lejn il-prinċipju, anke meta jkun l-aktar diffiċli li jagħmlu dan.
Huwa fakkar ukoll kif riċentament, il-Kunsill tal-Ewropa adotta qafas ta’ konvenzjoni dwar l-Intelliġenza Artifiċjali biex ikun żgurat li t-teknoloġija taqdi lill-umanità u mhux bil-maqlub. Kien hawn fejn enfasizza li l-innovazzjoni m’għandha qatt tkun ta’ detriment għall-fiduċja, id-demokrazija jew il-libertà.
“Il-fake news ġenerati mill-AI huma x-xejra perikoluża ġdida ta’ żmienna. Huwa għalhekk li l-Assemblea tagħna sejħet għal konferenza parlamentari internazzjonali f’Londra f’Diċembru li ġej, li se tkun iddedikata għall-AI u d-demokrazija,” qal is-Sur Rousopoulos.
Huwa temm jgħid li l-Ewropa għandha tibqa’ magħquda mhux bil-biża’ iżda bit-tama. “Ejja nżommu dik it-tama ħajja fil-Parlamenti tagħna u fil-qalb taċ-ċittadini tagħna.”

“Grazzi għad-diplomazija, Malta nfisha tkompli tkun pont kredibbli” – l-Ispeaker Anġlu Farrugia
“Kburi li d-delegazzjoni Maltija dejjem ħadmet biex tkun ta’ vuċi għall-ġustizzja soċjali u għall-ugwaljanz”
Waqt id-diskors tal-ftuħ, l-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati Anġlu Farrugia stqarr li sa minn meta twaqqaf il-Kunsill tal-Ewropa, din l-istituzzjoni baqgħet pilastru ta’ stabbiltà, għaqda u paċi fil-kontinent Ewropew.
Qal li permezz tal-qafas legali li l-Kunsill tal-Ewropa adotta matul is-snin, fosthom il-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, nibtu wkoll priċnipji li fuqhom setgħu jinbnew soċjetajiet ħielsa, inklussivi u aktar ġusti u dan b’enfasi fuq il-prinċipju fundamentali tad-demokrazija, ir-rispett għad-drititjiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt.
“Sa mis-sħubija tagħha fil-Kunsill, Malta baqgħet membru sħiħ u attiv f’din l-istituzzjoni mhux biss fuq livell ta’ gvern imma wkoll fuq livell parlamentari, fl-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa.
“Ninsab kburi li minkejja li d-delegazzjoni Maltija hi waħda mill-iżgħar delegazzjonijiet fost l-Istati Membri, din dejjem ħadmet qatigħ biex tkun ta’ vuċi għall-ġustizzja soċjali, għall-ugwaljanza, inklużjoni u djalogu interkulturali,” tenna l-Ispeaker.
Huwa spjega wkoll li matul il-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Ewropa, il-prijoritajiet kienu ffukati fuq oqsma li għandhom impatt dirett fuq il-ħajja tan-nies li jirrappreżentaw, bi rwol akbar għaż-żgħażagħ fil-ħajja demokratika, il-ġlieda kontra l-vjolenza u d-diskriminazzjoni u l-protezzjoni tat-tfal fost oħrajn.
Tenna li “grazzi għad-diplomazija, Malta nfisha tkompli tkun pont kredibbli bejn il-Lvant u l-Punent, it-Tramuntana u n-Nofsinhar, speċjament dwar kwistjonijiet ta’ newtralità, ta’ migrazzjoni u li l-Mediterran bħala spazju kondiviż għall-paċi.”

“Malta wriet b’mod ċar li anke nazzjon ċkejken jista’ jagħti kontribut li jkun wieħed altament prezzjuż” – il-Prim Ministru


Min-naħa tiegħu, il-Prim Ministru Robert Abela qal li Malta ħadet is-sħubija tagħha fil-Kunsill tal-Ewropa ftit xhur wara li saret indipendenti u din is-sħubija dejjem ħadnieha b’serjetà, b’konvinzjoni u bi mpenn lejn koperazzjoni kostruttiva.

“Minn mindu saret membru, Malta dejjem ħadmet biex tippromwovi djalogu, tiddefendi l-valuri fundamentali tad-demokrazija, tas-saltna tad-dritt u tad-drittijiet u jeddijiet fundamentali tal-bniedem b’determinazzjoni sħiħa.
“Malta wriet b’mod ċar li anke nazzjon ċkejken jista’ jagħti kontribut li jkun wieħed altament prezzjuż. Malta wriet dan billi kull darba li ġew identifikati ċertu nuqqasijiet rat li żiedet b’mod sinifikanti l-isforzi tagħha biex tindirizzahom immedjatament u tassigura progress determinat”.

Dan il-progress flimkien ma’ impenn sinċider u kontinwu lejn il-valuri bażiċi tal-Kunsill tal-Ewropa, qed jidher b’mod ċar fil-Presidenza li qed immexxu bħalissa,” qal il-Prim Ministru.

Huwa semma fost oħrajn il-miżuri li qed jittieħdu favur il-protezzjoni tat-tfal u s-salvagwardja tal-interess suprem tagħhom partikolarment kontra l-vjolenza sesswali. Qal li kull tifel u tifla għandhom jedd sagrosant illi jikbru f’ambjent li jiżgura s-sigurtà tagħhom u jappoġġja benesseri tagħhom.

Il-Prim Ministru rrefera wkoll għal prijoritajiet oħra f’din il-Presidenza fosthom is-setgħa taż-żgħażagħ, il-ġlieda kontra l-vjolenza u d-diskriminazzjoni, il-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem kif ukoll l-appoġġ kontinwu tal-organizzazzjoni lejn Ukrajna.

Matul iż-żjara tiegħu fil-Parlament ta’ Malta, il-President tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa kellu wkoll laqgħa bilaterali mal-Ispeaker, kif ukoll mad-delegazzjoni Maltija għall-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa, immexxija mill-MP Naomi Cachia.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Alex Borg qal li din iż-żjara qed issir f’mument ta’ tifsira speċjali. Qed issir hekk kif qed infakkru s-60 anniversarju minn meta Malta saret membru tal-Kunsill tal-Ewropa.

Dr Borg qal li għal 60 sena, Malta mxiet id f’id ma’ stati Ewropej oħrajn magħqudin flimkien fl-impenn komuni li nħarsu d-drittijiet tal-bniedem u li nħarsu d-demokrazija waqt li nipproteġu l-libertajiet li huma l-pedament tal-wirt komuni tagħna.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni sostna wkoll li Malta, minkejja ċ-ċokon tagħha, dejjem emmnet fil-qawwa tal-vuċi kollettiva. “L-istorja tagħna fil-Kunsill hi prova li anke l-iżgħar stat jista’ jikkontribwixxa b’mod sinifikanti għall-ħarsien tad-drittijiet u l-libertajiet.”

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport