Il-Kummissjoni Ġustizzja u Paċi tal-Arċidjoċesi ta’ Malta ppubblikat l-aħħar rapport tagħha “Beyond GDP II: Third Country Nationals in Malta: Sharing in our economic future or serving labour market interests?” Ir-rapport inħareġ fi żmien meta l-policies dwar il-migrazzjoni qegħdin jevolvu u d-dipendenza tal-ekonomija Maltija fuq ċittadini ta’ pajjiżi terzi (TCN) qiegħda tkompli tiżdied.
Il-kuntest uniku Malti – karatterizzat minn popolazzjoni li qiegħda tixjieħ, rati baxxi ta’ fertilità, nuqqas ta’ ħaddiema u sforzi għal tkabbir ogħla tal-Prodott Gross Domestiku, jenfasizza l-kontribut indispensabbli tal-persuni TCN. Ir-rapport jenfasizza l-importanza li persuni TCN jiġu ttrattati daqs il-ħaddiema Maltin, aktar milli bħala strumenti li jikkontribwixxu għat-tkabbir tal-Prodott Gross Domestiku.
Studju, statistika u intervisti
Kwalifikati żżejjed imma mħallsa inqas…
Dan ir-rapport ikompli jibni fuq ix-xogħol li sar f’Beyond GDP I (2020), li xpruna diskussjoni kritika li tevalwa s-suċċess ekonomiku b’kejl lil hinn miċ-ċifri tal-Prodott Gross Domestiku. L-istudju jgħaqqad statistika disponibbli għall-pubbliku ma’ għarfien miksub minn intervisti mal-partijiet interessati kif ukoll mexxejja ta’ komunitajiet minn pajjiżi terzi. Is-sejbiet jippreżentaw perspettiva komprensiva dwar l-esperjenzi mgħixa u ekonomiċi ta’ persuni TCN f’Malta.
F’Awwissu 2023, il-ħaddiema TCN li għandhom single work permit kienu fil-biċċa l-kbira rġiel żgħażagħ (bejn il-25 u d-39 sena) impjegati f’setturi varji fosthom fl-amministrazzjoni (inkluż aġenziji għal xogħol temporanju), l-akkomodazzjoni, is-servizzi tal-ikel, il-kostruzzjoni, il-bejgħ bl-ingrossa u bl-imnut (wholesale and retail) u l-manifattura. Dawn ir-rwoli spiss kienu f’impjiegi bi produzzjoni baxxa jew b’ħiliet baxxi, bil-pagi tat-TCN ikunu medja ta’ 17% inqas minn tal-ħaddiema Maltin, minkejja li ħafna kienu kkwalifikati żżejjed għall-pożizzjonijiet tagħhom. Barra minnhekk, il-bdil spiss fl-impjieg tal-ħaddiema TCN fi ħdan is-suq tax-xogħol jikkontribwixxi għall-instabbiltà fl-ekonomija u fis-soċjetà.
Proċess kumpless u ambigwu
Beyond GDP II jitfa’ dawl fuq kemm huwa kumpless u ambigwu l-proċess tal-applikazzjonijiet għas-single work permits, li jkompli jiggrava bl-ostaklu tal-lingwa. Dan jagħti lok lill-aġenziji biex jisfruttaw finanzjarjament lill-applikanti TCN. Ħafna minnhom iħossu li r-rekwiżiti tad-dokumentazzjoni huma kkumplikati, xi kultant mhux realistiċi, jew sempliċiment qegħdin hemm biex jiġġeneraw dħul għal ħaddieħor.
Il-frustrazzjoni tkompli tiżdied meta ħafna nnutaw li applikanti li għandhom konnessjonijiet jew li jifilħu jħallsu aktar, spiss jistgħu jsibu modi “illeċiti” kif jevitaw dawn ir-rekwiżiti. Id-dewmien fl-ipproċessar tal-permessi jwassal ukoll biex xi wħud jaħdmu illegalment, li tpoġġihom f’pożizzjoni vulnerabbli għal aktar sfruttament.
Jiddependu mill-benevolenza ta’ min iħaddimhom…
Taħt is-sistema ta’ single work permit, il-permess ta’ residenza tal-persuni TCN huwa dipendenti mill-“benevolenza” ta’ min iħaddimhom, li tagħmilha iktar bi tqila biex jirrappurtaw kwistjonijiet bħal nuqqas ta’ sigurtà fuq il-post tax-xogħol jew trattament inġust minħabba l-biża’ li jitwaqqfu mix-xogħol u li jiġu deportati.
Iż-żieda fl-ispejjeż tal-kiri u n-nuqqas ta’ għarfien dwar ir-regolamenti tal-kiri spiss iwasslu lil persuni TCN biex jgħixu f’postijiet iffullati jew f’arranġamenti ta’ livell baxx. Ħafna drabi dawn is-sagrifiċċji jsiru biex jiffrankaw il-flus u jkunu jistgħu jibagħtu l-flus lill-familji tagħhom lura d-dar.
Barra minnhekk, rekwiżiti ta’ dħul aktar stretti wasslu biex aktar familji ma jistgħux ikunu mal-għeżież tagħhom, inkluż tfal li ma jistgħux jibqgħu jgħixu mal-familja minkejja li twieldu f’Malta jew kienu diġà qegħdin jgħixu hawn. Minħabba dan l-infurzar, it-tfal qegħdin jitħallew bla dokumenti, li jagħmluhom aktar vulnerabbli u inviżibbli. Id-dewmien fl-ipproċessar tal-karti tal-identità tat-tfal ikompli jfixkel ir-reġistrazzjoni tagħhom fl-iskejjel u jxekkel id-dritt tagħhom għall-edukazzjoni.
Soċjetà fejn kulħadd jista’ jsib skop, dinjità u komunità
L-Isqof Joseph Galea-Curmi rringrazzja lill-Kummissjoni Ġustizzja u Paċi, u lil dawk kollha li ħadu sehem għar-rapport Beyond GDP II u talli tpoġġa dawl fuq l-isfidi moħbija taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi f’Malta. Huwaa qal li kull bniedem, irrispettivament min-nazzjonalità jew l-istat legali tiegħu, huwa maħluq fix-xbieha t’Alla. Dan it-twemmin fundamentali jenfasizza s-sejħa tal-Knisja biex tittratta liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi b’rispett u dinjità u biex tipproteġi ħajjithom u d-drittijiet umani tagħhom. “Dan ir-rispett irid jintwera f’attitudnijiet, policies u azzjonijiet konkreti,” saħaq l-Isqof Galea-Curmi.
Il-President tal-Kummissjoni Ġustizzja u Paċi, Daniel Darmanin, qal li, “l-għan ta’ dan ir-rapport huwa li jagħti s-setgħa lil persuni TCN billi jagħtihom vuċi, jenfasizza l-kontribuzzjonijiet, il-benefiċċji u l-isfidi tagħhom meta jiġu biex jakkwistaw il-permess tax-xogħol. Dan mingħajr ma jpinġihom bħala vittmi jew jimmina l-awtonomija tagħhom. Il-Kummissjoni tqis dan ir-rapport bħala għodda essenzjali għat-tiswir tal-policies futuri u tħeġġeġ rikonoxximent kollettiv tal-kontribuzzjonijiet sinifikanti li persuni TCN jagħmlu lil Malta u tenfasizza l-importanza li titrawwem soċjetà fejn kulħadd jista’ jsib skop, dinjità u komunità.”
Soċjetà ġusta fejn ħadd ma jibqa’ lura
Il-Kummissjoni Ġustizzja u Paċi tesprimi l-apprezzament tagħha lejn il-parteċipanti kollha f’dan l-istudju, partikolarment il-mexxejja komunitarji barranin li qasmu l-isfidi tagħhom u fdaw lill-Kummissjoni biex tirrappreżenta l-vuċijiet tagħhom.
Ir-ringrazzjament huwa estiż ukoll lejn il-partijiet interessati, inkluż l-avukati u l-membri tal-NGOs li jassistu lill-migranti u lil persuni TCN fil-proċess tas-sistemi lokali u pprovdew feedback siewi għall-istudju. Il-Kummissjoni tirrikonoxxi l-ħidma kontinwa tagħhom biex jiżguraw soċjetà ġusta fejn ħadd ma jibqa’ lura.
Il-pubblikazzjoni ta’ Beyond GDP II saret bl-appoġġ ta’ EY u APS Bank. Ir-rapport jinsab fuq gp.knisja.mt.