Sunday, November 24, 2024

L-ISFIDI TAL-PRODUZZJONI TAL-IKEL U L-ĦELA TIEGĦU

Aqra wkoll

Ftit tal-jiem ilu ġie mfakkar il-Jum Dinji tal-Ikel li l-iskop tiegħu huwa li nirrikonoxxu iżjed il-ħidma ta’ dawn il-bdiewa, raħħala u sajjieda fost persuni oħra, fl-istess waqt li titrażżan il-ħela mill-konsum tal-ikel. Lokalment minkejja l-kampanji li qegħdin isiru biex il-prodott Malti jingħażel fuq dak barrani għad hemm diversi problemi x’jiġu indirizzati. Dan fil-kuntest illi hawn bdiewa li jixtiequ jkabbru l-produzzjoni tagħhom imma għadhom jaffaċċjaw bosta ostakoli fosthom il-limitazzjoni tal-art fejn jistgħu jkabbru l-prodotti tagħhom. 

Dan huwa kaġun, bejn għax f’pajjiżna l-art agrikola hija limitata u bejn għax partijiet oħra qegħdin jintużaw għal diversi skopijiet oħra fosthom għal rikreazzjoni u l-iżvilupp. Nemmnu li hija sfortuna li r-raba’ ħafna drabi jispiċċa l-ħaruf tas-sagrifiċċju fejn minħabba prijoritajiet fiskali ħafna jirrikorru għal din l-art għal skopijiet li qegħdin dejjem inaqqru l-opportunità ta’ dawk li ġenwinament jixtiequ jagħmlu l-aħjar użu minnha. 

Dan biex ma nsemmux ukoll l-elementi tan-natura li jilagħbu parti kruċjali fuq il-produzzjoni tal-ikel f’pajjiżna u dan ngħiduh minħabba nuqqas ta’ ilma tax-xita fost elementi oħra li jistgħu jinkludu estrem ieħor ta’ nixfa qawwija fi żminijiet oħra. Dan huwa wieħed mill-impatti tat-tibdil u t-tisħin tal-klima u minn sena għall-oħra, b’aktar tibdiliet li ħadd m’għandu kontroll fuqhom qiegħed iġib miegħu sfidi kontinwi li mhux lakemm jiġu indirizzati. 

Dan is-suġġett ġie trattat f’diskussjoni li saret ftit tal-jiem ilu fil-parlament fejn persuni l-aktar involuti fis-settur esprimew l-opinjonijiet tagħhom dwar dan. Nittamaw li din id-diskussjoni ma tiqafx hawn iżda titkompla anke f’forums oħra biex dawn l-isfidi jkunu jistgħu jiġu ffaċċjati bl-aħjar mod possibbli u sostenibbli. 

Għal hekk aħna mhux biss infaħħru imma nirrikonoxxu l-ħidma tal-Aġenzija Maltija tal-Ikel li qiegħda tagħmel minn kollox biex fuq l-imwejjed tal-ikel tal-konsumatur f’pajjiżna ikun hemm kemm jista’ jkun il-prodott lokali. 

Suġġett ieħor diskuss fl-istess seduta kien il-ħela tal-ikel u l-impatt ambjentali. Hawnhekk inħeġġu wkoll biex isir sforz aktar kollettiv biex jitnaqqas l-ikel li jispiċċa fil-boroż tal-iskart organiku għaliex filwaqt li nkunu qegħdin nipproteġu l-ambjent inkunu qegħdin innaqqsu mill-ħela. Nittamaw li l-għanijiet ta’ dan kollu jintlaħqu permezz tal-proġett li għandha f’rasha li tniedi l-Aġenzija tal-Ikel Maltija fil-ġimgħat li ġejjin. 

Naqblu bis-sħiħ ma’ dak li qal fl-aħħar jiem il-President tal-Għaqda Bdiewa Attivi Malcolm Borg illi l-awtoritajiet konċernati jrid ikollhom il-polz ta’ dawk li jaħdmu f’dan is-settur jekk verament iridu jaslu biex jifhmu d-dinamika ta’ kif isir ix-xogħol f’dan il-qasam għax hekk biss ikunu jistgħu jaslu għal soluzzjonijiet adekwati għall-isfidi tal-lum u dak li għad iridu jitfaċċaw.

Naqblu wkoll li jekk m’aħniex se naqbdu l-barri minn qrunu issa, il-ġenerazzjonijiet ta’ warajna se jkunu qegħdin isofru l-konsegwenzi ta’ xi azzjonijiet li qegħdin jittieħdu fil-preżent u għalhekk għandna niżguraw li nagħrfu dawk li jridu ġenwinament jikkontribwixxu fil-ħidma tar-raba’ madwar il-pajjiż.

Sport