Saturday, November 23, 2024

L-ISIS tgħid li l-coronavirus huwa kastig minn Alla lill-Punent u jgħid li huwa kuntent bl-imwiet li ħalla lill-“għadu”

Aqra wkoll

L-ISIS ilbieraħ qalet li tinsab kuntenta li l-Punent ġie affettwat bil-kbir mill-coronavirus, u saħansitra ddeskriva l-pandemija bħala kastig divin minn Alla.

F’messaġġ awdjo li ġie ppubblikat fuq waħda mis-siti tal-grupp terroristiku, il-persuna li għadda l-messaġġ identifika lilu nnifsu bħala Abu Hamża al-Quraishi, kelliemi għall-Istat Iżlamiku.

“Alla bagħat kastig lit-tiranni ta’ dawn iż-żminijiet u lis-segwaċi tagħhom,” huwa saħaq, hekk kif għamel referenza għall-marda tal-Covid-19.

“Illum ninsabu kuntenti bil-kastig li Alla bagħtilkom, u bl-imwiet li ħalla.”

Dan kien it-tielet messaġġ f’forma ta’ awdjo li l-grupp terroristiku ppubblika mindu nħatar il-kap il-ġdid Abu Ibrahim al-Hashemi al-Quraishi. Huwa ħa l-post ta’ Abu Bakr al-Baghdadi wara li dan inqatel mill-qawwiet speċjali Amerikani fis-Sirja s-sena li għaddiet.

Quraishi ħeġġeġ lill-ġellieda tal-ISIS biex jippreparaw is-saħħa kollha tagħhom biex jiġġieldu lill-għadu ta’ Alla.

L-Istat Iżlamiku qed isibha diffiċli biex jerġa’ jingħaqad u jiżviluppa strateġija ġdida wara l-mewt ta’ al-Baghdadi. Il-grupp terroristiku tilef l-aħħar territorju sinjifikanti li kien qed iżomm taħt il-kontroll tiegħu fis-Sirja lejn l-aħħar tas-sena li għaddiet wara li kien diġà tilef il-ġlieda tiegħu fl-Iraq.

Sport