Bejn is-sena 2010 u s-sena 2013, l-Università ta’ Malta kienet ħarġet ċertifikati żbaljati lil xejn inqas minn 400 studenti li gradwaw bħala għalliema. Rapport tal-Ombudsman kkonferma li dawn l-istudenti kienu ġew imqarqin u li l-Università dak iż-żmien għażlet li tibqa’ siekta. Wieħed ma jistax ma jistaqsix għala dak iż-żmien ħadd ma ta kont, ħadd ma ressaq spjegazzjoni u ħadd ma rreżenja jew ġie mitlub jirriżenja? Dan kien żball fuq skala nazzjonali. Inġustizzja lejn l-istess studenti li l-karrieri u l-futur tagħhom kien jiddependi miċ-ċertifikati mogħtija lilhom.
L-400 ċertifikati żbaljati kienu nħarġu għall-kors ta’ taħriġ għall-għalliema (livell 6 fuq il-qafas tal-MQF) imma, minflok, ġew ikklassifikati bħala postgraduate (livell 7), jiġifieri grad ogħla ekwivalenti għal Masters. Għal tliet snin sħaħ l-istudenti milqutin ingħataw dokument falz li bnew il-karriera tagħhom fuqu. Dan mingħajr ma qatt ġew infurmati bl-iżball.
Dak iż-żmien ir-Rettur tal-Università ta’ Malta kien il-Professur Juanito Camilleri u għalhekk IT-TORĊA ippruvat tagħmel kuntatt miegħu b’telefonata għal kumment dwar dan il-każ. Minkejja li rrispondew għat-telefonata u rritornaw oħra, fejn tlabna speċifikament biex inkellmuh. Sakemm morna għall-Istampa, kien għadu ma kienx hemm kuntatt.
L-Ombudsman ikkonferma…
Skiet skandaluż
Rapport mill-Kummissarju għall-Edukazzjoni tal-Ombudsman ikkonferma l-iżball u kixef li l-Università dak iż-żmien kienet għażlet li tħalli kollox kif inhu. Minflok ma ġiet korretta l-ħsara u ngħatat spjegazzjoni lill-istudenti affettwati, ittieħdet deċiżjoni politika u amministrattiva skandaluża – dik li ma titkellimx.
Il-konsegwenzi ta’ dan l-iżball u sussegwentement il-ħabi kienu diretti fuq l-istudenti inkwistjoni. Dawn il-gradwati ħasbu li kellhom kwalifika postgradwatorja imma spiċċaw imqarraq. Barra minnhekk, opportunitajiet ta’ xogħol u studji ogħla setgħu ġew kompromessi. Iżda, l-aktar konsegwenza perikoluża ta’ dan l-iskandlu hija t-telf tal-fiduċja pubblika fl-istituzzjonijiet edukattivi tagħna.
Hawn wieħed jistaqsi, għaliex dak iż-żmien ħadd ma ta rendikont? X’inhi l-pożizzjoni tar-Rettur Juanito Camilleri? Fejn kienu l-Ministri tal-Edukazzjoni u l-Gvern Nazzjonalista mmexxi minn Lawrence Gonzi? Għaliex ħadd ma ried jassumi responsabbiltà jew jagħti spjegazzjoni? Il-verità hija waħda – ħadd ma ta rendikont. Il-PN għażel is-silenzju totali.
Kuntrast qawwi mal-lum
… Illum kieku l-PN jitlob ir-riżenji
Kieku każ bħal dan ġara llum, taħt Gvern Laburista, l-istess PN kien jagħmel minn kollox biex jitlob kull riżenja possibbli – inkluż dik tar-Rettur. Illum il-kultura hija waħda ta’ responsabbiltà u trasparenza. Każ bħal dan qatt ma kien se jgħaddi bla spjegazzjoni. Dak iż-żmien il-kwiet kien regola. Illum, ir-responsabbiltà hija inevitabbli.
Dan l-iskandlu huwa xhieda ta’ kif il-PN dejjem uża standards doppji. Meta l-iżball kien tiegħu ħalla kollox jgħaddi bla ħoss imma llum, fuq kull żball ta’ ħaddieħor, ħallih jgħolli leħnu u jitlob ir-riżenji.
Mistoqsija li ma tistax tibqa’ ma ssirx…
Il-poplu għandu dritt jistaqsi għaliex dak iż-żmien ma sar xejn? Din mhiex biss kwistjoni ta’ żball li affettwa lil 400 studenti. Din hija kwistjoni ta’ serjetà istituzzjonali, ta’ responsabbiltà politika u ta’ rispett lejn il-poplu.
Is-silenzju tal-PN kien tradiment lejn l-istudenti u lejn Malta kollha. L-edukazzjoni u l-fiduċja pubblika huma wisq prezzjużi biex jintilfu f’ħabi u kwiet skandaluż.