Monday, November 4, 2024

L-iskandlu tal-Qatargate għadu jidwi … għada d-deċiżjoni dwar l-MPE Taljan Cozzolino

Aqra wkoll

Bagalji mimlija ewro maqbuda f’appartament fi Brussell. Numru ta’ Membri Parlamentari Ewropej (MPE) arrestati u maqfulin wara l-gradi tal-ħadid jistennew il-proċess u issa battalja dwar l-estradizzjoni bejn investigaturi Belġjani u mħallfin Taljani. Din hi s-sitwazzjoni ta’ bħalissa b’rabta mal-Qatargate.

Andrea Cozzolino, MPE għan-Nofsinhar tal-Italja mill-2009, jinsab akkużat li ħa tixħim minn pajjiżi barranin biex jinfluwenza l-Parlament Ewropew, allegazzjonijiet li huwa ċaħad.

L-imħallfin għada se jiddeċiedu jekk Andrea Cozzolino, ta’ 60 sena, hux se jinħeles mill-arrest f’daru fil-belt tan-Nofsinhar tal-Italja ta’ Napli u jittieħed f’ħabs Belġjan taħt Mandat ta’ Arrest Ewropew.

F’rapport parlamentari f’Jannar li għadda intqal li Cozzolino kien suspettat li pproteġa l-interessi ta’ stati barranin fil-PE, bi skambju għal somom kbar ta’ flus. Ġranet wara, il-prosekuturi ħarġu Mandat ta’ Arrest Ewropew għall-MPE. Huwa kien arrestat għal żmien qasir qabel ma’ tpoġġa taħt arrest f’daru.

L-investigazzjoni marbuta mal-Qatargte bdiet f’Diċembru li għadda meta l-MEP Griega Eva Kaili ġiet arrestata flimkien ma’ tlieta oħra fuq suspett ta’ korruzzjoni u ħasil ta’ flus, akkużi li hija tiċħad.

Artiklu fil-Financial Times kien jgħid li dakinhar tal-arrest tagħha, Kaili ħażnet €300,000 f’bagalja fost ħrieqi u ikel għat-tarbija tagħha. Il-pulizija diġa qabdet €1.5m fi flus kontanti mill-bidu tal-investigazzjoni, f’rejds madwar il-Belġju, l-Italja u Franza.

Sport