Wednesday, April 24, 2024

“L-iskejjel għandhom jinfetħu… sakemm mhux ta’ theddida”

Aqra wkoll

Tgħid dan il-psikologa Katya De Giovanni

Minn Victor Vella

“Fl-iskola it-tfal u l-adoloxxenti tagħna ma jitgħallmux biss il-kontenut f’forma ta’ suġġetti iżda jitgħallmu ħiliet oħra bħal ngħidu aħna kif iġibu ruħhom mal-oħrajn u anke kif jutilizzaw il-ħin aħjar u ċertu dixxiplina. Għaldaqstant, sakemm mhux ta’ theddida għas-saħħa tagħna, l-iskejjel għandhom jinfetħu.” Dan iddikjaratu magħna, il-psikologa Katya De Giovanni, meta mitluba tikkummenta dwar id-deċiżjoni tal-ftuħ tal-iskejjel f’Settembru li ġej. Minkejja li f’pajjiżna hawn ġenituri u għalliema xettiċi, akkademiċi awtorevoli barranin, jiddikjaraw bla tlaqlieq li ‘kien żball kbir li kienu ingħalqu l-iskejjel għal dawk ta’ minn 16-il sena ‘l isfel”.  Fi kliem akkademiċi barranin fosthom  Williamson M. Evers, li hu Direttur f’Center on Educational Excellence fl-Independent Institute f’Kalifornja, jgħid bla tlaqleiq li “it-tfal għandhom tfulija waħda.  Fiha iridu juru l-ħiliet tagħhom u t-tagħrif, u dan biex jilħqu l-potenzjal tagħhom. Meta tara l-ftit riskji għas-saħħa pubblika, mal-effett diżastruż li jħalli n-nuqqas ta’ tagħlim u edukazzjoni, hu imperattivi li l-iskejjel jinfetħu”.

Il-psikologa Katya De Giovanni, qaltilna li “fis-sitwazzjoni li ninsabu fiha minħabba l-Covid 19 u l-ftuħ tal-iskejjel għal sena skolastika li jmiss tinsab wara l-bieb, wieħed irid jevalwa bir-reqqa u b’responsabbiltà kbira dan l-avveniment.  Sakemm mhux ta’ theddida għas-saħħa tagħna, l-iskejjel għandhom jinfetħu. L-għalliema għandhom jingħataw l-opportunità li jressqu dak li qed jinkwetahom u għandhom jingħataw is-sapport sabiex iwettqu xogħolhom bl-aħjar mod li jistgħu. Dan is-sapport psikoloġiku hemm bżonnu mhux biss għax għandna l-Covid imma għax l-għalliema jiltaqgħu ma’ ħafna problemi soċjali fil-professjoni tagħhom, li kull ma jmur qed jiżdiedu. Qed ngħixu żminijiet ta’ nċertezza fejn mhuwiex faċli taqta linja waħda għal kulħadd. Għandna għalliema kif ukoll studenti li huma vulnerabbli. F’ċertu każijiet wieħed jappella għall-flessibilta’ sa fejn hu possibbli.”

Enfassizzat li “fil-verità, għalkemm il-Covid poġġietna taħt stress emozzjonali kbir, tatna opportunitajiet kbar biex nitgħallmu ħafna fejn tidħol il-flessibilità. Il-Maltin dejjem kienu poplu li jaf jaddatta u jilqa’ għas-saram li jsib ruħu fih. Min naħa tal-għalliema rajna sforzi enormi sabiex jaddattaw il-kurrikulu għat-tagħlim online. Min-naħa l-oħra, l-ġenituri għamlu l-almu tagħhom sabiex jaraw li uliedhom ilaħħqu max-xogħol li kien qed jingħata d-dar. Diġa rnexxielna nagħmluh dan f’dawn l-aħħar xhur. Għalhekk, wieħed irid iħares lejn mudelli ta’ tagħlim li jkunu aktar flessibbli. Irridu nżommu f’moħħna ukoll li aktar ma jkunu żgħar it-tfal, aktar ikollhom bżonn il-kuntatt uman fit-tagħlim li jrid jingħatalhom. Fl-istess ħin, tfal li huma iżgħar isibuha diffiċli aktar biex iżommu d-distanza u jużaw il-prekawzjonijiet li huma meħtieġa.” 

Sostniet li “għaldaqstant, wieħed jappella għall-kawtela u għal sistemi ta’ outreach fejn tfal li għandhom ċertu sitwazzjonijiet soċjali u mediċi ser ikollhom jibqgħu d-dar. Nafu li kellna tfal fi żmien il-Covid19 li batew il-ġuħ għax ċertu sostenn materjali u psikoloġiku kien jingħatalhom biss mill-iskola li fiha jattendu. Ma nistghux inħallu li dan jerġa’ jiġri taħt ebda ċirkustanza. Għalhekk nappella għall-flessibilità fis-sistemi tal-immaniġġjar u għal aktar kuntatt mal-familji.”

Inħarsu lejn barra minn Malta… kien żball li ngħalqu l-iskejjel

Jekk nieħdu dak li qed isostni l-akkademiku awtorevoli, Williamson M. Evers, li hu Direttur f’Center on Educational Excellence fl-Independent Institute f’Kalifornja, naraw li hu jargumenta favur il-ftuħ tal-iskejjel.

Jisħaq li “globalment, u dan anke skont riċerka li saret riċentament u pubblikata f’The Lancet, hu stabbilit li l-ammont ta’ imwiet li ġew prevenuti bl-għeluq tal-iskejjel kien ammont żgħir ħafna.  Mhux l-istess jista’ jingħad fuq l-effett tal-iskejjel, li dan il-fatt kien diżastruż.  Skejjel pubbliċi ma kinux prepearati biex jaqilbu għal tagħlim onlajn.  L-għalliema ma kinux imħarrġin u l-apparat  mhux dejjem kien hemm. Il-UNESCO f’rapport li ħejjew dwar l-għeluq tal-iskejjel  u l-effett li dan ħalla, qalu li l-ġenituri ma kinux ippreparati għal tagħlim mid-dar. Dan b’mod partikolari għal ġenituri b’riżorsi u edukazzjoni limitata.”

L-akkademiku Williamsosn M. Evers jiddikjara b’mod ċar li “dak li kulħadd irid jirrealizza hu li għal studenti minn sittax-il sena ‘l isfel, l-iskejjel misshom qatt ma ingħalqu.  Dawn l-istudenti għandhom jirritornaw fl-iskejjel illum qabel għada.  Studenti ta’ aktar minn sittax-il sena  għandhom ukoll jirritornaw fl-isskejjel imma jridu josservaw  il-prekawzjonijiet tal-adulti, jiġifieri li jaħslu idejhom u ma jmissux wiċċhom fost oħrajn. L-Iżvezja qatt  m’għalqet l-iskejjel għal dawk ta’ inqas minn 16-il sena.  L-awtoritajiet tas-saħħa fid-Danimarka u fin-Norveġja  illum qed jirrikonoxxu li d-deċiżjoni tal-Iżvezja kienet fid-direzzjoni t-tajba.”

Jisħaq li “nafu kemm mir-riċerka u anke mill-esperjenza li l-istudenti jitgħallmu jekk huma jqattgħu biżżejjed ħin ta’ kwalità għat-tagħlim. Ħafna studenti għandhom bżonn persuni mħarrġin u dawn huma l-għalliema, biex ikabbru l-għerf tagħhom. Dan hu kkonfermat minn studju li sar minn Center for Research on Education Outcomes fl-Università ta’ Stanford. Stħarriġ li sar fi skejjel pubbliċi f’Broward County  fi Florida sab li it-tagħlim onlajn fi żmien il-lockdown,   wassal biex 48 fil-mija tat-tfal ma lestewx ix-xogħol li ngħata lilhom għal ġimgħa, waqt li kien hemm 45 fil-mija li kellhom problema biex jiffukaw fuq it-tagħlim.  Irriżulta ukoll li 40 fil-ija għamlu xejn inqas minn tlett sigħat  kuljum fuq xogħol konness mal-iskola, waqt li 81 fil-mija ingħaqdu mal-bqija tal-klassi permezz ta’ vidjo għal ftit ġranet biss filġimgħa. Kien hemm 52 fil-mija li ma ħassewhomx motivati”. 

Hu isemmi dak li ddikjara il-President  ta’ Fordham Institute, Michael J. Petrilli, fejn dan qal li huma l-istudenti li għandhom motivazzjoni u li għandhom  appoġġ konsiderevoli familjari fi djarhom, li jkunu suċċesss b’tagħlim li hu onlajn biss.   

L-akkademiku Evers jgħid li “l-għeluq tal-iskejjel żied il-qabża bejn tfal li ġejjin minn familtu b’ċertu livell ta’ edukazzjoni u dawk minn familji b’nuqqas ta’ edukazzjoni.  Studju minn Annenberg Institute qed juri li l-istudenti se jibdew is-sena 2020-2021 b’madwar 70 fil-mija ta’ dawk li huma susppost tgħallmu f’dak li hu qari u b’inqas minn nfos ta’ dak li suppost tgħallmu fil-matematika.” Jisħaq li “għeluq tal-iskejjel kien żball gravi.   Issa rridu nsibu mezzi kif ngħixu mal-konsegwenzi. L-istudenti għandhom jirritornaw fil-klassijiet, jekk l-iskejjel għandhom prattiċi protettivi.”

Sport